BIRKIRKARA JIPPARTEĊIPAW FIL-FESTIVAL INTERNAZZJONALI TA’ KULTURA
Il-Festival tal-Identità huwa proġett internazzjonali taħt il-patroċinju tal-United Nations Regional Information Centre for Western Europe (UNRIC). Dan il-festival, li beda x-xahar li għadda, jiġbor fih diversi attivitajiet u jibqa’ għaddej sa Novembru li ġej. Fih se jippartecipaw Berceto, Parma, Ruma, New York u Birkirkara.
Il-programm Festival tal-Identità jikkonsisti f’numru ta’ proġetti kulturali, soċjali u imprenditorjali kollha marbutin mat-tema tal-identità. Dawn il-proġetti jinkludu attivitajiet marbuta mal-moda, ċinema, kultura, sport, imprenditorija, fotografija u ikel. F’dan kollu l-identita hija ppreżentata bħala patrimonju ta’ valuri personali, soċjali, kulturali, territorjali, etniċi u reliġjużi.
Il-lokalita’ ta’ Birkirkara se tieħu sehem f’festival ta’ films qosra marbuta mal-identità li se jsir f’Berceto, fil-provinċja ta’ Parma, f’Parma u f’Ruma bejn id-29 ta’ Lulju u l-1 t’Awissu li ġej. Dan il-festival se jittella’ bil-kollaborazzjoni tal-Universita’ ta’ Parma, l-Universita’ La Sapienza ta’ Ruma u ambaxxati barranin fl-Italja flimkien mal-Laura Film Festival ta’ Levanto u l-Festival taċ-Ċinema Malta Golden Knights. Il-festival ċinematografiku għandu l-għan li jiċċelebra s-sbuħija tal-identità bħala punt ta’ tluq għal qsim ta’ skambji kulturali bejn il-parteċipanti.
F’dan ir-rigward il-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara se jkun qed jistieden Maltin u Għawdxin biex jissottomettu films qosra dwar it-tema tal-identità ħalli eventwalment jintgħażel il-film li se jipparteċipa fil-Festival. Il-Kunsill Lokali għandu jħabbar aktar dettalji dwar dan fil-jiem li ġejjin.
Waqt li tħabbret il-parteċipazzjoni ta’ Birkirkara f’dan il-festival is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said qal li l-Gvern jemmen li l-identità tagħna għandha potenzjal qawwi biex tagħmel ‘il Gżejjer Maltin attrazzjoni akbar. Permezz tal-parteċipazzjoni tiegħu il-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara se jieħu l-identità ta’ pajjiżna u jesponiha f’forum internazzjonali.
Chris Said qal ukoll li bl-involviment fi programmi simili ma nkunux biss qed nesportaw l-identità u l-kultura tagħna iżda nkunu qed niftħu l-bibien għal ideat u kulturi ġodda. Huwa qal li l-festival ċinematografiku se jgħin biex nippromowovu kemm id-diversità u kif ukoll l-unita’ bejn il-pajjiżi Ewropej u anki barra mill-kontinent. Huwa għalaq billi rringrazzja lill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara talli ħa din l-inizzjattiva u ħeġġeg biex aktar kunsilli lokali jibdew jaħsbu ‘il barra mill-parametri tas-soltu u jimbarkaw fuq proġetti innovattivi bħal dan il-festival.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990