RIŻULTATI NKORAĠĠANTI GĦAS-SETTUR TURISTIKU
Fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena kien hemm żieda ta’ 7% fin-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna meta mqabbla mal-istess perjodu s-sena l-oħra. Fl-istess xahrejn in-nefqa mit-turisti żdiedet bi €8 miljun, jew 11.2 %.
Ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika llum juru żidiet fin-numru ta’ turisti l-iktar mill-Italja, Spanja u r-Renju Unit. L-ikbar żieda kienet mill-Italja, minfejn waslu Malta 19,315 turist, żieda ta’ 4,794 fuq l-istess perjodu tas-sena preċedenti. Jirriżulta wkoll li n-nefqa mit-turisti kienet ta’ €79.1 miljun, żieda ta’ 11.2%.
“Għat-tielet xahar wara l-ieħor kien hemm żieda fin-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna. Dan huwa sinjal pożittiv li juri li l-industrja tat-turiżmu qed tibda tirkupra mill-kriżi internazzjonali tas-sena li għaddiet. Għalhekk nħarsu lejn din is-sena b’sens ta’ ottimiżmu iżda wkoll b’kawtela, tenut kont li l-ekonomiji Ewropej għadhom ħerġin mir-riċessjoni,” tenna Mario de Marco, Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura.
Is-Segretarju Parlamentari Mario de Marco qal li r-riżultati miksuba huma frott l-ħidma viċina bejn il-Gvern, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-operaturi fl-industrja li ħadmu flimkien sabiex Malta tibqa’ destinazzjoni attraenti u kompetittiva.
Il-Gvern u l-MTA ħadmu wkoll fuq strateġija sabiex jiżdiedu iktar rotot lejn pajjiżna u fil-fatt din il-ġimgħa li għaddiet, bdew joperaw erba’ rotot ġodda. Din is-sena ser ikollna żieda ta’ 7.5 fil-mija ta’ ‘seats’ lejn Malta b’riżultat ta’ aktar rotot minn operaturi ġodda u dawk eżistenti, fosthom ir-rotot ta’ Turin u Genova li ser jiġu ntrodotti mill-Air Malta din is-sena.
Is-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura qal li l-gvern preżenti qed jaħdem bħal heda biex din is-sena s-settur turistiku jissaħħaħ bl-iskop li nkattru l-ġid ekonomiku u biex inżidu l-opportunitajiet tax-xogħol.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990