Imniedi “Howard - the Shopping Assistant”- Għodda elettronika għal min jixtri minn fuq l-Internet
Iċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur ta’ Malta illum ħabbar inizjattiva li toffri assistenza lill-konsumatur meta jixtri minn fuq l-internet. Waqt it-tnedija ta’ din l-inizjattiva, s-Segretarju Parlamentari għall-Konsumaturi, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, l-Onor. Chris Said tkellem fuq iċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur u qal li dan iċ-ċentru huwa proġett konġunt bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri; u fil-fatt dan l-uffiċċju huwa wieħed minn 29 li jinsabu fl-Istati Membri kollha u kif ukoll fin-Norveġja u fl-Islanda. L-uffiċċju joffri livell ta’ protezzjoni lill-konsumatur li jixtieq igawdi mill-għażla kbira ta’ prodotti u servizzi li joffri s-Suq Ewropew.
Iċ-Ċentru jfittex u jiġbor informazzjoni dwar temi li huma ta’ nteress għall-konsumatur, jipprovdi informazzjoni, u jippubblika materjal edukattiv fosthom dwar xiri ta’ vetturi mill-Unjoni Ewropea, xiri minn fuq l-internet u prattiċi kummerċjali mhux ġusti. Iċ-Ċentru jipparteċipa regolarament ukoll f’laqgħat tax-Xibka taċ-Ċentri Ewropej. Iċ-Ċentru jindirizza wkoll ilmenti mill-konsumatur fejn is-sena l-oħra kien hemm 261 ilment minn konsumaturi fl-UE kontra negozji f’Malta u 187 ilment minn konsumaturi Maltin kontra negozji bbażati fi Stati Membri oħra.
Chris Said qal li l-Kummissjoni Ewropea għadha kif ippublikat il-Consumers Market Scoreboard li juri li l-internet huwa l-aktar mezz li jiġġenera dawk li jissejħu distance sales. Ir-rapport juri li Malta hija waħda mill-aktar pajjiżi fejn il-konsumatur juża l-internet biex jixtri. Is-Segretarju Parlamentari qal li fl-2009 Malta kienet it-tieni l-aktar pajjiż wara l-Lussemburgu fejn il-konsumaturi għamlu cross-border e-commerce. Proprju s-sena l-ohra, n-numru ta’ Maltin li xtraw minn fuq l-internet tela’ għal 29% minn 17% fl-2008.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-affarijiet tal-Konsumatur qal li l-parti l-kbira tal-ilmenti li jirċievi ċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur huma relatati max-xiri fuq l-internet. Fil-waqt li ċ-Ċentru jista’ jgħin biex jiggwida lill-konsumatur, inħass il-bżonn li tiġi offruta wkoll għajnuna aktar diretta u instantanja f’kull ħin tal-ġurnata. Għalhekk mil-lum, is-sit elettroniku taċ-Ċentru jinkludi għodda elettronika interattiva li ssemmiet “Howard, the shopping assistant” biex tghin f’dan ir-rigward.
Chris Said qal li Howard, applikazzjoni żviluppata fid-Danimarka, jiġbor informazzjoni biex jgħin lill-konsumatur jiddeciedi jekk sit partikolari huwiex ta’ fiducja jew le. Howard pero’ mhux ħa jiddeciedi għall-konsumatur jekk dan jixtrix minn sit partikolari jew le. Is-Segretarju Parlamentari Said qal li l-iskop ta’ din l-għodda mhux li jsir reklam tajjeb jew hażin lil siti partikolari. Howard se jiġbor l-informazzjoni eżistenti li hemm fuq l-internet stess fuq il-kumpanija partikolari u jaghti lill-konsumatur l-informazjoni li ġabar, b’għajnuna dwar kif din għandha tiġi interpretata.
B’hekk, għalaq Chris Said, kull min jixtri minn fuq l-internet issa jista’ jaċċessa l-applikazzjoni Howard u jibbenefika minn gwida instantanja f’daru stess dwar il-kumpanija jew sit li jkun se jixtri minghanda.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990