Il-Q.T. il-Papa Benedittu XVI ser jiltaqa’ mal-Missjunarji Maltin u GĦawdxin fil-Knisja ta’ San Pawl fir-Rabat
Is-Sibt 17 ta’ April, fit-7.45pm il-Q.T. il-Papa Benedittu XVI ser jiltaqa’ mal-Missjunarji Maltin u Għawdxin fil-Knisja tar-Rabat. Il-Papa mistenni jasal fil-Pjazza tar-Rabat u jiġi milqugħ mill-Arċipriet tar-Rabat Dun Louis Suban u mis-Sindku tar-Rabat, Alexander Craus.
Il-Papa mbagħad jidħol fil-Knisja ta’ San Pawl biex jiltaqa’ ma’ madwar 350 missjunarju fosthom saċerdoti, sorijiet u lajċi. Wara din il-laqgħa qasira, il-Q.T. il-Papa ser jagħmel mument ta’ talb fil-Grotta ta’ San Pawl. Il-waqfa ta’ talb fil-Grotta ta’ San Pawl ser tiġi trasmessa fil-Pjazza ta’ quddiem il-Knisja tar-Rabat.
Mons. Charles Cordina, Chairperson tal-Kumitat Organizzattiv Interdjoċesan qal li ż-żjara fil-Grotta ta’ San Pawl kienet xewqa personali tal-Q.T. il-Papa Benedittu XVI. Wara l-waqfa ta’ talb fil-Grotta ta’ San Pawl, il-Q.T. il-Papa ser joħroġ fil-pjazza ta’ quddiem il-Knisja biex jindirizza l-folla. Hawn ser jagħmel diskors ta’ merħba, l-Arcisqof ta’ Malta, l-E.T. Mons. Pawlu Cremona.
Is-Sindku tar-Rabat Alexander Craus qal li r-Rabtin iħossuhom onorati li l-Q.T. il-Papa ser iżur il-lokalita’ tar-Rabat. Hu qal li l-għaqdiet tal-lokal fosthom il-baned, ser jagħmlu l-almu tagħhom biex jagħtu merħba kif jixraq lill-Papa Benedittu XVI.
Fi tmiem il-Konferenza tal-Ahbarijiet, Charles Bonello, Chairperson tal-Kumitat Organizzattiv Nazzjonali filwaqt li spjega l-loġistika marbuta ma’ din l-attivita’, appella lill-pubbliku biex ma jużawx il-vetturi biex jaslu lejn il-pjazza u min ikollu diffikulta’ jista jċempel fuq il-linja ta’ Informazzjoni 188 jew jibgħat email fuq : info.zjarapapa@gov.mt
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990