ATTIVITAJIET SPEĊJALI FI ĦDAN IL-GOZO COLLEGE
It-taqsima ta’ l-attivitajiet speċjali fi ħdan il-Gozo College, organizzat sensiela ta’ attivitajiet li permezz tagħhom studenti Għawdxin setgħu jaraw u jipprattikaw dak li normalment jitgħallmu dwaru minn fuq il-kotba fl-iskejjel rispettivi tagħhom. Attività partikolari kienet treasure hunt (kaċċa għat-teżor) li ġiet organizzata għal studenti li jattendu years 5 u 6 fl-iskejjel primarji tal-Gvern kif ukoll oħrajn tal-knisja f’Għawdex.
F’din l-attività ġew ippreparati sett ta’ mistoqsijiet relatati mas-suġġetti mgħallma fil-kurrikulu fosthom dawk tal-matematika, studji soċjali, reliġjon u xjenza. F’din l-attività ġiet ittrattata wkoll it-tema eko-Għawdex fil-kuntest ta’ dak li ser ikun inkluż fir-resource pack li tħejja għall-għalliema bħala parti mill-proġett eko-Għawdex.
Barra minn hekk l-istudenti kellhom jużaw għodda bħal boxla, rutella, u ħwejjeġ oħra marbuta ma’ attivitajiet fil-kampanja. It-tfal ġew maqsuma fi gruppi ta’ bejn erbgħa u sitt itfal. Hekk fi gruppi żgħar huma bdew jiskopru l-għolja ta’ Għammar. Matulha hemm ukoll statwi li jirrappreżentaw l-erbatax-il stazzjon tal-Via Sagra. Fi tmiem din l-attività, it-tfal ġew mgħallma l-logħba tradizzjonali tal-Brilli u kellhom ukoll l-opportunità li jipprattikawha.
Il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono iltaqgħet ma’ l-aħħar grupp ta’ studenti waqt l-esperjenza tagħhom fuq l-għolja ta’ Għammar. Hija setgħet tapprezza r-reazzjoni ta’ l-istudenti għal dak li kienu qegħdin jagħmlu filwaqt li tkellmet ukoll ma’ l-għalliema li qed jikkordinaw dawn l-attivitajiet. Filwaqt li faħħret l-inizjattiva, il-Ministru spjegat kif attivitajiet prattiċi huma element bażiku fit-tħejjija ta’ programmi edukattivi li joffru tagħlim akkademiku flimkien ma’ taħriġ. ‘Dan iwassal biex tingħata wkoll formazzjoni ħolistika’ qalet il-Ministru Debono.
It-taqsima li qed tikkoordina attivitajiet speċjali għall-istudenti f’Għawdex organizzat sensiela ta’ attivitajiet oħra li kienu mmirati għal studenti fl-iskejjel primarji Għawdxin. Fost dawn kien hemm trekking, gymnastics, għawm u mixjiet bil-lejl li ħaduhom saħansitra fuq l-għolja Ta’ Ġordan. Il-ġenituri tat-tfal setgħu jipparteċipaw f’uħud minn dawn l-attivitajiet. Fil-ġimgħat qabel il-vaganzi tas-sajf ser jiġu organizzati wkoll attivitajiet marbuta ma’ l-isport tat-tixbit u ċ-ċikliżmu.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990