KONFERENZA STAMPA MILL-ONOR. JOE CASSAR, MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITA’ DWAR KUNĊERT TA’ MUŻIKA KLASSIKA F’MATER DEI
Illum iltqajna ġo dan il-post straordinarju biex inħabbru attivita’ straordinarja. Il-Malta Heart Foundation se tagħlaq sena mit-twaqqif tagħha u biex niċċelebraw dan il-jum speċjali se jittella’ kunċert ta’ mużika klassika fil-foyer ta’ l-Isptar Mater Dei. Dan huwa avveniment rari mhux biss għal Malta imma anke għall-pajjiżi oħra. Mhux soltu li l-mużika, fil-forma ta’ orkestra tidħol fi sptar.
Meta Karl Fiorini avviċina lill-Ministeru tas-Saħħa bil-ħsieb li jtella’ Festival ta’ Mużika klassika u li wieħed mill-kunċerti jittella’ B’XEJN għall-pazjenti ta’ l-Isptar Mater Dei, ħassejna li din hija idea pożittiva mmens. Dan huwa l-messaġġ pożittiv li għandna nwasslu fis-settur tas-Saħħa.
Il-Malta Heart Foundation hija inizjattiva ta’ grupp ta’ nies li ħassew il-bżonn li tinħoloq għaqda biex tagħti support lil nies li għandhom problemi ta’ saħħa fil-qalb. Bil-pariri tal-kardjoloġisti l-Professur Albert Fenech u Mr Alex Manche, il-Malta Heart Foundation tagħmel ħafna ġid u minn “qalbi” nirringrazjahom ta’ l-inizjattivi tagħhom.
Hemm rabta bejn is-Saħħa u l-Mużika. Il-mużika, speċjalment dik klassika, għandha valur terapewtiku. F’din l-okkażjoni se nagħmlu bħal Mawmettu u l-muntanja, se nieħdu il-kunċert fl-isptar biex inferrħu l-pazjenti, il-familji tagħhom u l-istaff. Il-kunċert se jkun miftuh għall-pubbliku in ġenerali u l-Prim Ministru u s-Sinjura Gonzi se jonorawna bil-preżenza tagħhom. Dan il-kunċert se jittella’ ta’ siegħa se jittella’ nhar il-Ħamis 8 t’April 2010 fis-6.00 ta’ fil-għaxija.
Jiena nixtieq nirringrazzja lil Karl Fiorini għall-inizjattiva tiegħu b’risq il-pazjenti u l-Agostinjani, lil Malta Heart Foundation għall-ħidma bla heda f’settur li għandu bżonn ħafna xogħol u dedikazzjoni, nirringrazzja lill-Patrijiet Agostinjani li laqgħawna f’dan il-bini majestuż li għandu bżonn il-kura wkoll fil-forma ta’ restawr u lilkom tal-media li dejjem tagħtuna l-għajnuna tagħkom ukoll. Grazzi.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990