MESSAĠĠ TAS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ U SPORT, L-ONOR. CLYDE PULI, WAQT IL-PREŻENTAZZJONI TAR-RAPPORT TAT-TIENI SENA ĦIDMA - “IŻ-ŻGĦAŻAGĦ FIĊ-ĊENTRU TAL-POLITIKA TAGĦNA”
It-tieni sena ta’ ħidma tagħna, bħal ta’ qabilha, hija wkoll influwenzata bis-sħiħ mill-konsultazzjoni kontinwa li kellna mal-għaqdiet taż-żgħażagħ u tal-isport u maż-żgħażagħ u l-atleti nfushom.
L-aġġornament tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ, politika mfassla miż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ, se jwassal biex aktar tard din is-sena jintlaħaq tragward ieħor, bit-twaqqif tal-Aġenzija Nazzjonali taż-Żgħażagħ li se tkun qed tuża l-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ bħala l-boxxla li tiggwida l-ħidma tagħha.
F’sena ta’ riċessjoni ekonomika internazzjonali il-Gvern qed jinvesti €1.4 miljun kuljum fl-edukazzjoni taż-żgħażagħ tagħna u miljuni oħra biex jinċentiva l-investiment li joħloq ix-xogħol. Dan qed iwassal biex kumpaniji kbar bħal-Lufthansa Technique u SR Technik flimkien ma’ Smart City qed jagħżlu li jinvestu f’pajjiżna u joħolqu aktar xogħol. Il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC) bl-istrateġija għaż-żgħażagħ u l-impjiegi u permezz ta’ diversi programmi oħra ukoll qed tforni liż-żgħażagħ tagħna, u oħrajn li jridu jaħdmu, bil-ħiliet u bl-esperjenzi li jeħtieġu biex jirnexxu. Matul is-sena li għaddiet kienu 2,132 iż-żgħażagħ li rnexxielhom isibu impjieg permezz tad-diversi programmi offruti minn din il-Korporazzjoni.
Fosthom l-Employment Aide Programme, il-Work Trial Scheme kif ukoll il-Youth Employment Programme. Matul l-2009, 1,829 żagħżugħ u żagħżugħa ħadu sehem f’130 programm ta’ taħriġ differenti offruti mill-ETC. Fl-istess waqt id-Direttorat tal-Life Long Learning qed joffri 566 kors għal 9,500 student li 22% minnhom huma żgħażagħ. Din is-sena se nkunu qed inniedu wkoll programm ieħor biex żgħażagħ ta’ 16-il sena li ħarġu mill-iskola mingħajr il-ħiliet neċessarji, jingħataw ċans ieħor biex jiksbu ċertifikazzjoni li tgħinhom biex jirnexxu.
It-Taqsima taż-Żgħażagħ fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja qiegħdha toffri numru ta’ programmi ta’ empowerment li huma intenzjonati biex jagħtu s-setgħa liż-żgħażagħ jilħqu l-milja tagħhom. Is-sena li għaddiet rajna t-tnedija tal-proġett tal-Kunsilli Lokali taż-Żgħażagħ b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ. B’sodisfazzjon ninnota li 116–il żagħżugħ u żagħżugħa qed jieħdu sehem f’dan il-proġett fi 15-il lokalità madwar Malta u Għawdex. Għall-ewwel darba s-sena li għaddiet, flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, nidejna l-ewwel edizzjoni tal-Konkors Letteratura għaż-Żgħażagħ u l-Adoloxxenti. Bl-istess mod ħdimna ma’ diversi għaqdiet taż-żgħażagħ bħal YouthCom u l-iScouts, biex wettaqna numru ta’ programmi u proġetti. L-attivitajiet tal-Ġimgħa Nazzjonali taż-Żgħażagħ reġgħu kienu suċċess. Bi pjaċir ninnota wkoll li sal-lum 10,000 żagħżugħ u żagħżugħa kienu kapaċi jibbenefikaw minn fondi tal-Unjoni Ewropea.
Fil-qasam sportiv issoktajna bl-isforzi tagħna biex inkomplu nxettlu kultura sportiva. Is-sena li għaddiet kienet sena li fiha nidejna bosta inizjattivi ġodda li qed jgħinuna nwettqu l-viżjoni tagħna.
Iż-żgħażagħ u t-tfal huma pilastri importanti fit-twettiq tal-istrateġija tagħna. Għal dan il-għan il-Kunsill Malti għall-iSport saħħaħ l-iSport Promotion Unit biex jilħaq ammont akbar ta’ tfal mill-iskejjel. Fl-2009 l-iSport Promotion Unit laħqet 9,000 tifel u tifla u għas-sena 2010 qed timmira li tilħaq 16,000. Għall-ewwel darba fis-sena skolastika 2009/2010 l-istudenti tal-primarja ta’ ħames kulleġġi qed jieħdu taħriġ bażiku fil-ġinnastika, l-atletika u l-għawm waqt il-ħin tal-iskola. Sadattant komplejna nifirxu aktar l-After Schools Sports Programme u programmi oħra li bihom ilħaqna madwar 10,000 żagħżugħ ieħor.
L-iskema ta’ Turiżmu Sportiv li nidejna s-sena li għaddiet irnexxielha tattira 22,000 bednight u tinjetta €1.2 miljun fl-ekonomija Maltija. Għal din is-sena qed nittriplikaw l-allokazzjoni ta’ din l-iskema għal €300,000 u qed nipprovaw ukoll inħajru turiżmu sportiv lejn il-gżira Għawdxija. L-għaqdiet sportivi qed jingħataw iċ-ċans li jieħdu aktar fondi meta huma wkoll jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna fi żmien ta’ kriżi.
Fl-2009 nidejna għall-ewwel darba wkoll l-iskema ta’ inizjattivi sportivi għall-Kunsilli Lokali. 26 Kunsill Lokali ħadu sehem f’din l-inizjattiva u bejniethom organizzaw 84 attività bil-parteċipazzjoni ta’ 4,500 persuna. Għat-tieni edizzjoni, dik tas-sena 2010, applikaw 27 Kunsill Lokali u se jkunu qed jorganizzaw 138 attività sportiva li tfisser żieda ta’ 54 attività fuq is-sena li għaddiet.
L-2009 rat ukoll it-tnedija ta’ skema ġdida oħra msejħa 20/20 Sport Training Scheme fejn atleti li jipromettu minn selezzjonijiet nazzjonali li jaħdmu fis-settur pubbliku, ingħataw sa massimu ta’ għoxrin siegħa leave bi ħlas fil-ġimgħa biex jitħarrġu fid-dixxiplina tagħhom. Dan skond programm ta’ taħriġ professjonali ppreparat minn kowċis u għaqdiet sportivi reġistrati mal-Kunsill Malti għall-iSport.
Matul is-sena 2009 tqassmu aktar minn €3.3 miljun f’assistenza lill-għaqdiet sportivi mill-Kunsill Malti għall-Isport. Din l-għajnuna tikkumplimenta u għaldaqstant ma tinkludix bosta għajnuniet oħra minn entitajiet oħra tal-Gvern li jagħżlu li jinvestu fis-settur sportiv. Fost l-oħrajn ta’ min isemmi l-għajnuna mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, u mill-Ministeru tal-Finanzi permezz ta’ diversi skemi fiskali, il-Good Causes Fund u l-linja tal-ajru nazzjonali AirMalta. Ta’ min insemmi li matul is-sena li għaddiet, fond komuni bejn il-Kunsill Malti għall-Isport u l-Good Causes Fund alloka €1.5 miljuni lil sittax-il klabb tal-futbol lokali biex jiżviluppaw il-grounds tagħhom fuq livelli internazzjonali.
Il-faċilitajiet sportivi huma essenzjali fl-iżvilupp tal-isport u allura jeħtieġ li jkollna aktar faċilitajiet u faċilitajiet aħjar. B’dan il-ħsieb f’moħħna mis-sena li għaddiet, bdejna naraw li l-iskejjel jingħataw lura lill-komunità wara l-ħin tal-iskola. Matul l-2009, 18-il għaqda sportiva bdew jagħmlu użu u wħud minnhom jinvestu fil-faċilitajiet sportivi li jinsabu fl-iskejjel tal-istat.
L-2009 fissret ukoll li 16-il għaqda sportiva oħra ġew mgħoddija art pubblika, b’valur ta’ €5.5 miljun, biex jagħmlu użu minnha għal skopijiet ta’ sport. Sal-lum 108 għaqda sportiva qed igawdu minn xi art jew propjetà tal-Gvern, bil-valur tal-art mgħoddija jlaħħaq l-€44 miljun.
Sadattant komplejna naħdmu biex intejbu l-faċilitajiet pubbliċi. Fl-2009 nidejna l-Masterplan għall-Marsa, wettaqna xogħolijiet estensivi fil-korsa taż-żwiemel u nvestejna €550,000 biex nimmodernizzaw il-Kumpless Sportiv tal-Qroqq, inkluż il-pixxina.
Matul din is-sena ħdimna kemm flaħna anke jekk b’umiltà nirrikonoxxu li baqalna ħafna x’nagħmlu. Madankollu ma nistax ma nirrikonoxxix il-ħidma ta’ dawk in-nies kollha li bil-ħidma u bis-sagrifiċċju tagħhom imbuttaw il-viżjoni tagħna ‘l quddiem. Fl-istess waqt lil dawk li qed inservu inwegħduhom l-istess ħeġġa u dinamiżmu li nisperaw li konna xhieda tagħhom sa issa.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990