Left arrow Mur Lura

TNEDIJA TAL-KAMPANJA LIBRERIJI PUBBLIĊI

PR0563
Date Icon 30/03/2010

Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, Dolores Cristina dal-għodu nidiet kampanja ta’ tliet xhur bl-iskop li aktar nies ikunu mħajra jersqu u jagħmlu użu mis-servizzi tal-Libreriji.

F’diskors li għamlet, il-Ministru Cristina qalet li l-Bibljotkea Nazzjonali, il-Libererija Pubblika u d-diversi Librerija mferrxa ma’ Malta u Għawdex flimkien mal-Libereriji tal-Iskejjel tagħna, joffru minjiera ta’ għerf u tagħrif li għadna mhux qed nisfruttaw biżżejjed.

Matul is-sena li għaddiet anqas minn 5,000 persuna żaru l-Librerija Nazzjonali fil-belt Valletta li l-akbar numru minnhom kienu barranin. Fl-istess perjodu kien hemm ftit aktar minn 6,000 riċerkatur li għamlu tfittxijiet fid-dokumenti tal-Bibljoteka.

Dawn in-numri jitkellmu weħidhom u juru li mhux qed isir użu biżżejjed minn dan il-post storiku li fih hawn miġbura l-memorja ta’ pajjiżna.

Għalhekk inħasset il-ħtieġa li titnieda din il-kampanja biex inħeġġu lill-pubbliku jiffrekwenta aktar u jagħmel użu mis-servizzi li joffru l-libreriji pubbliċi kemm għal skopijiet ta’ riċerka kif ukoll għal skopijiet ta’ qari.

Il-Ministru Cristina qalet li fil-Libreriji Pubbliċi, mnejn wieħed jista’ jissellef il-kotba, fis-sena li għaddiet biss żdiedu 22,140 ktieb biex issa f’dawn il-postijiet għandna medja ta’ ktieb għal kull membru tal-popolazzjoni Maltija – 403,709 ktieb. Sa Marzu li ġej il-libreriji kollha se jkunu kompjuteriżżati u jkunu jistgħu jagħmlu użu minn katalgu elettroniku wieħed biex il-pubbliku jkunu jista’ jingħata servizz aħjar.

Din il-kampanja se ddum għaddejja tliet xhur u matulha se jsiru attivitajiet – anke bil-kollaborazzjoni tal-Kunsilli Lokali – biex il-pubbliku jkun mgħarraf aktar bis-servizzi tal-libreriji u jkun imħeġġeġ jużahom aktar.

Id-Dipartiment tal-Libreriji għadu kif waqqaf Unit tal-Kuraturi li x-xogħol tagħha hu li tirrestawra u tikkonserva d-diversi dokumenti u kollezzjonijiet storiċi li hemm fil-libreriji. Barra minn dan qed jitnieda programm ta’ diġitazzjoni tad-dokumenti, manuskritti, kotba antiki u gazzetti li hawn miġbura – dan ix-xogħol se jibda fil-jiem li ġejjin.

Il-Bibljografija Nazzjonali se titpoġġa “on line” u wieħed ikun jista’ jaċċessaha minn fuq is-sit elettroniku www.libraries-archives.gov.mt. Qed jinxtara makkinarju ġdid għat-taqsima tal-illegar u reġgħu bdew jitnaddfu l-kotba biex jinżammu fl-aħjar stat possibbli.

Il-Ministru Cristina sostniet li hemm bżonn nagħmlu użu aħjar mill-mezzi elettroniċi biex nilħqu l-iskopijiet tagħna. Għalhekk mhux biss qed inpoġġu l-Bibljografija Nazzjonali fuq is-sit elettroniku u ngħaqqdu l-libreriji kollha reġjonali u nazzjonali u l-fergħat tagħhom, f’xibka waħda ta’ komunikazzjoni biex kulħadd ikun jaf f’liema librerija jinsab il-ktieb li jkun qed ifittex biex jaqra, imma se nibdew nagħmlu użu wkoll min-networks soċjali elettroniċi – il-Facebook – li fuqu se mpoġġu l-profili kemm tal-Bibljoteka kif ukoll tal-Librerija Nazzjonali tal-Furjana.

Bħala parti minn din il-kampanja qed titnieda wkoll kompetizzjoni li se tippremja lil dawk li l-aktar jiffrekwentaw u jagħmlu użu mil-libreriji.

Il-pajjiż għandu għad-dispożizzjoni tiegħu minjiera tad-deheb u sfortunatament mhux qed isir użu minnha biżżejjed. Biex l-iskop ta’ din il-kampanja jirnexxi, hemm bżonn l-għajnuna u l-kollaborazzjoni ta’ kulħadd. Inutli li l-Ministeru u d-Dipartiment tal-Libreriji jinvestu u jagħmlu kampanji bħal din jekk il-pubbliku ma jweġibx għal din il-ħidma.

Il-Ministru appellat lill-Kunsilli Lokali, lill-għalliema fl-iskejjel, il-mexxejja tal-għaqdiet volontarji, lill-anzjani, lill-ġenituri, liż-żgħażagħ u lit-tfal biex jattendu għall-attivitajiet li se jkunu organizzati matul din il-kampanja, jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet li se norganizzaw u fuq kollox biex jiffrekwentaw aktar u jagħmlu użu dejjem iżjed mill-faċilitajiet u s-servizzi li jipprovdu l-libreriji tagħna.

Il-qari, barra milli jista’ jkun passatemp mill-aqwa għal kulħadd, jgħin biex inkabbru l-għerf u jkollna soċjeta’ aktar preparata biex tilqa’ l-isfidi tas-snin li ġejjin.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow