Mniedi r-Rapport tat-Tieni Sena Ħidma tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja
Matul it-tieni sena ta’ din il-leġislatura il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja ikkonsolida l-ħidma li beda fl-ewwel sena u wettaq riformi importanti kemm fil-qasam tal-Edukazzjoni kif ukoll f’dak tal-Politika Soċjali. Dan qalitu l-Ministru Dolores Cristina meta l-lum nidiet ir-rapport tat-Tieni Sena Ħidma tal-Ministeru tagħha flimkien mas-Segretarju Parlamentari, Clyde Puli, f’konferenza tal-aħbarijiet li saret fejn qed tinbena l-iskola sekondarja ġdida f’Taż-Żokrija, limiti tal-Mosta.
Fil-messaġġ tagħha l-Ministru Ciristina sostniet li filwaqt li l-Ministeru kompla jibni fuq l-imgħoddi biex isaħħaħ is-sistema edukattiv, wara konsultazzjoni nazzjonali tħabbret u bdiet titwettaq ir-Riforma fit-Tranżizzjoni mill-Primarja għas-Sekondarja kif ukoll il-bidla minn Skejjel Speċjali għal Ċentri ta’ Riżorsi għal persuni b’diżabilita’. Min-naħa l-oħra saret ukoll ir-riforma importanti fil-Liġijiet tal-Kera. Fil-qasam tal-Kultura saru passi kbar ‘l quddiem anke bit-tnedija tal-Politika Kulturali Nazzjonali.
Il-Gvern kompla jinvesti bis-sħiħ fil-qasam tal-edukazzjoni, fil-ħolqien tax-xogħol u fil-familja, minkejja l-kriżi finanzjarja internazzjonali li laqtet ukoll lil pajjiżna. Miċ-Ċentri għall-Kura tat-Tfal sal-Universita’ u ‘l hinn minn hekk, kull settur tal-edukazzjoni ibbenefika minn żjieda fl-investiment. Dan l-investiment fl-edukazzjoni mhux biss ħoloq aktar xogħol fis-settur, imma poġġa wkoll il-pedamenti biex il-pajjiż ikollu nies preparati kif jixraq għal kull qasam tax-xogħol biex inkunu f’pożizzjoni li naħtfu l-opportunitajiet li jippreżentaw irwieħhom. L-istess jista’ jingħad għal dawk li huma servizzi soċjali fid-diversi forom tagħhom minn pensjonijiet għal għajnuna fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali u s-servizzi tal-wens.
Saret ħidma qawwija biex assikurajna kollaborazzjoni akbar bejn id-diversi dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru u fost ir-riżultati miksuba ta’ min isemmi:
· Bdiet tkun implimentata r-riforma fit-Tranżizzjoni mill-Primarja għas-Sekondarja
· Tfasslet Politika Nazzjonali dwar il-kisba ta’ Ħiliet Bażiċi u strateġija ta’ implimentazzjoni
· Iċ-Ċertifikat ta’ Tmiem is-Sekondarja se jkun jirrifletti aħjar il-kisbiet akkademiċi kif ukoll ħiliet oħra ta’ kull tifel u tifla
· Ħarġu 34 sejħa differenti għal ingaġġ ta’ għalliema u professjonisti oħra fl-edukazzjoni
· Kien hemm żjieda ta’ 4% fin-numru ta’ studenti li baqgħu jistudjaw wara li leħqu l-eta’ tal-edukazzjoni obbligatorja
· 36 student ingħataw tagħlim fid-djar tagħhom għax ma setgħux jattendu l-iskola għal raġunijiet validi
· Bdiet titwettaq ir-Riforma tal-Iskejjel Speċjali li issa saru Ċentri ta’ Riżorsi
· In-numru ta’ Learning Support Assistants żdied għal 1314 li jgħinu lil 1974 student
· 17,000 student fi skejjel primarji u sekondarji jagħmlu użu mit-trasport provdut mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni li jħaddem 680 rotta kuljum. 30 rotta oħra jaqdu tfal fiċ-Ċentri tar-Riżorsi
· Twaqqaf id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja
· Aktar minn 9,000 persuna jattendu korsijiet għall-Adulti – żjieda ta’ 31% fuq is-sena ta’ qabel.
· Matul din is-sena ngħataw 69 Borża ta’ Studju għal Dottorat u 158 oħra għal Masters
· Tnidiet skema ġdida ta’ Boroż ta’ Studju fl-Arti
· Qed jitwettqu 23 proġett li jiswew €59.5 miljuni miksub mill-Fond Reġjonali għall-Iżvilupp tal-Unjoni Ewropea u hemm applikazzjoni 11-il proġett ieħor li jiswew €18.3 miljuni
· Mill-Fond Soċjali Ewropew inkisbu €27.6 miljuni biex jiffinanzjaw 13-il proġett ieħor fil-qasam tal-Edukazzjoni.
· 1,241 persuna ibbenefikaw mid-diversi servizzi offruti mill-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi
· Tlestiet skola Primarja ġdida fil-Kulleġġ Santa Klara f’Pembroke u bdiet tintuża
· Aktar minn 10,000 persuna jsegwu korsijiet fl-Universita’
· Tlesta x-xogħol ta’ kostruzzjoni fuq l-estensjoni ta’ klassijiet fil-Junior College
· 5015 student full-time u 2598 student part-time fl-MCAST li issa beda joffri wkoll programmi ta’ Degrees f’suġġetti differenti mill-Universita’
· 564 student full-time u 500 oħra part-time fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi
· Tnieda u ngħataw l-ewwel għajnuniet mill-Fond għall-Arti
· Il-Film Fund kompla jgħin l-industrja lokali tal-films
· Bdiet ħidma sfieqa biex tkun żviluppata l-industrja tal-kreattivita f’pajjiżna
· Komplew isiru b’suċċess atti vitajiet popolari tal-massa bħall-Festival tal-Jazz, Notte Bianca, il-Festival tal-Arti, il-kunċert Isle of MTV, u attivitajiet kulturali oħra
· Imħabbra numru ta’ inċentivi fiskali favur l-artisti, kittieba u pubblikaturi Maltin
· Intemm ix-xogħol fuq tined protettivi fuq it-Tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra u bdew ikunu esegwiti l-pjani għall-Ġgantija, il-Katakombi ta’ San Pawl u t-Tempji ta’ Ħal Tarxien.
· L-Orkestra Filarmonika Nazzjonali ngħatat post ġdid fis-Sala Robert Samut
· 3,421 persuna nstabilhom xogħol mill-ETC fl-2009
· 6,634 persuna ħadu taħriġ mill-ETC
· 284 barrani u 12-il persuna taħt l-eta’ inqabdu jaħdmu bla permess
· L-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fil-post tax-xogħol għamlet 2000 spezzjoni f’postijiet tax-xogħol
· Kienu stabbiliti livelli nazzjonali għat-Trobbija tat-Tfal fi Djar Residenzjali u Foster Care
· Investigati 1,022 każ b’konnessjoni ma’ tfal u nħarġu 37 Ordni ta’ Kura għal Tfal
· 40 tifel u tifla kienu adottati minn 32 familja
· Twaqqaf “hotline” dwar l-abbuż ta’ tfal fuq l-Internet li rċieva 153 rapport li 13 minnhom ingħataw f’idejn il-pulizija
· Il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika tat is-servizz tagħha f/1348 każ li 244 minnhom kienu każi ġodda
· In-nefqa f’Benefiċċji Soċjali telgħet għal €661 miljun – żjieda ta’ 5.8% fuq is-sena ta’ qabel
· L-Aġenzija Appoġġ ħadmet fuq 1,500 każ – medja ta’ 30 każ fil-ġimgħa
· Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’ ħarġet 1271 karta ta’ identita’ speċjali; tat 245 għajnuna speċjali u għenet biex 445 persuna b’diżabilita’ ħadu rifużjoni tal-VAT fuq spejjeż li għamlu
· L-Awtorita’ tad-Djar qassmet €1 miljun lil 417 persuna biex jirranġaw id-djar tagħhom u qassmet €1.4 f’għajnuniet f’numru ta’ skemi ġodda
· Kienu allokati 204 appartamenti filwaqt li 475 binja ma baqgħux rekwiżizzjonati
· Tlestew 255 appartament ġdid, 12-il maisonette u 322 garaxx u beda x-xogħol fuq il-bini ta’ 145 appartament u 234 garaxx ġodda
Il-Ministru Dolores Cristina temmet li kif jixhdu r-riżultati miksuba, matul din it-tieni sena tal-leġislatura saret ħidma kbira biex il-qasam tal-edukazzjoni, ix-xogħol u l-familja komplew mexjin ‘l quddiem fl-interess ta’ kulħadd kif jixraq lil pajjiż modern. B’hekk komplejna ntejbu l-kwalita’ tal-ħajja taċ-ċittadin Maltin u Għawdxin li jixirqilhom l-aħjar.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990