Left arrow Mur Lura

Diskors mill-ONOR. Dolores Cristina Ministru Għall-edukazzjoni,xogħol u l-familja waqt it-tnedijatar-Rapport Sena Ħidma 2009 tal-Kummissjoni Nazzjonali Persunib’DiżabilitÀ – ħal-far 26.03.2010

PR0543
Date Icon 26/03/2010

Huwa pjaċir tiegħi li l-lum qed ningħaqad magħkom  biex flimkien nippreżentaw ir-Rapport ta’ Ħidma 2009 tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’. Dan ir-Rapport jagħtina l-opportunita’ li: 

nanalizzaw il-ħidma li saret mill-KNPD matul din l-aħħar sena,

inġeddu l-impenn tagħna favur l-inklużjoni f’kull qasam tas-soċjeta’;

inħarsu ‘l quddiem biex nindirizzaw dawk l-oqsma li fihom għadna ma lħaqniex il-miri tagħna.

Il-KNPD issa ilha mwaqqfa kważi 23 sena u bi pjaċir kbir ninnotaw u rridu nirreġistraw l-avvanzi kbar li saru permezz ta’ kull min emmen u ħadem f’din il-Kummissjoni.  Huma irnexxielhom iqajmu kuxjenza fost kulħadd dwar il-ħtieġa li kull persuna tingħata d-dinjita’ li jixirqilha bħala persuna u li tkun appoġġata b’modi differenti. Permezz ta’ opportunitajiet indaqs kulħadd ikun jista’ jilħaq il-milja tiegħu billi jagħmel għażliet infurmati u jaħtaf kull opportunita’ possibli biex ikun jista’ jgawdi minn kwalita’ ta’ ħajja għolja. 

Bħala Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, nista’ ngħid li x-xogħol li jrid jitwettaq f’dawn it-tliet oqsma, fis-snin li ġejjin għandu jirrifletti l-prinċipji ta’ opportunitajiet indaqs.  Irridu nagħtu valur lil kull persuna u niċċelebraw id-diversita’.  

Meta bħala pajjiż ngħidu li l-aqwa riżorsa huma n-nies u li rridu ninvestu fin-nies inkunu qed nirreferu għal kulħadd huma x-inhuma l-ħiliet tagħhom.  Irridu ninvestu fit-tfal, fiż-żgħażagħ u fl-adulti u anke f’dawk li jridu jagħtuhom servizz. 

It-tliet oqsma li għandi fid-dekasteru tiegħi jolqtu mill-qrib lill-persuni b’diżabilta’ u l-futur tagħhom kemm fi ħdan il-familja tagħhom kif ukoll fl-inklużjoni tagħhom fis-soċjeta’ Il-lum aktar minn qatt qabel rridu niżguraw li jkun hemm il-ko-ordinazzjoni meħtieġa bejn id-Dipartimenti u l-aġenziji kollha tal-Gvern fit-twettiq ta’ miżuri, servizzi u inizjattivi li jiġu proposti. 

Nemmen bis-sħiħ li l-Edukazzjoni hija ċ-ċavetta biex kull persuna timxi ‘l quddiem fil-ħajja.  Ir-riformi li qed iseħħu fil-qasam tal-Edukazzjoni, prinċiparjament fosthom ir-riforma tal-iskejjel speċjali, iridu jkomplu jħallu l-frott mixtieq biex tkompli titħaddem il-politika ta’ inklużjoni u biex kull student ikollu livell ta’ edukazzjoni ogħla li twasslu għal aktar indipendenza fil-ħajja tiegħu. 

M’hemmx dubbju li l-qasam tax-xogħol huwa qasam li joffri sfidi kbar u għadna ma lħaqniex il-miri tagħna daqs kemm nixtiequ.  Irridu nkomplu nisħqu ma’ min iħaddem li għandna aktar inħarsu lejn dak li persuna tista’ tagħmel  milli dak li ma tistax tagħmel u naddataw is-sistemi tagħna għal dan. Irridu nkomplu naħdmu biex nelgħbu l-biżgħat li wħud jista’ jkollhom li allura mbagħad iwasslu biex persuna ma tkunx impjegata mhux għax ma hiex kapaċi tagħmel ix-xogħol offrut iżda għax nibżgħu li xi darba jista’ jinqala’ xi ħaġa u ma nkunux kapaċi nindirizzaw l-eventwalita’. 

Bħalissa, għaddejjin b’xogħol fuq programm speċifiku fic-Centri ta’ Riżorsa għal adulti żgħażagh biex nippreparaw lil studenti li jkunu għalqu 16-il sena biex narmawhom b’dawk il-ħiliet meħtieġa biex huma jaċċessaw id-dinja tax-xogħol. 

Il-programm Pathway u l-Foundation Courses fl-MCAST huma programmi li wkoll iridu jgħinnu mhux ftit biex aktar żgħażagħ, speċjalment dawk b’diżabita’ intelletwali jiġu mħarrġa fil-hiliet vokazzjonali. 

Anke l-Universita’ trid tkompli taġġorna l-metodi tagħha u tagħmel użu akbar mill-mezzi tat-teknoloġija avvanzata biex tabilħaqq tkun aktar aċċessibli għal firxa usa’ ta’ studenti. 

L-iskemi ta’ impieg tal-ETC li huma mmirati speċifikament għal persuni b’diżabilta’ qed jagħtu l-opportunita’ lil persuni b’diżabilta għal exposure fuq il-postitjiet tax-xogħol kif ukoll qed jagħtu l-opportunita’ lil min jimpjega biex jirrealizzaw li wara kollox dawn il-persuni għandhom il-kapaċitajiet meħtieġa u jistgħu huma wkoll jikkontribwixxu għall-ġid nazzjonali u għall-indipendenza finanzjara tagħhom. 

Jeħtieġ li naraw ħafna aktar imprendituri u min iħaddem li jaċċessaw dawn l-iskemi u li wara li tispiċċa l-iskema, li wħud minnhom ikopru l-paga tal-individwu anke sa tliet snin, jassiguraw li dik il-persuna ma terġax lura fuq il-kotba tal-ETC bħala persuna li tkun qed tirreġistra! 

Mela wieħed jista’ jgħid li bħalissa għaddejjin diversi inizjattivi li għandhom jgħinu lil persuni b’diżabilta’ mhux ftit biex jaċċessaw kemm it-taħriġ kif ukoll l-impjieg. Iżda dan fih innifsu jista’ joħloq bżonnijiet oħra li rridu nkunu konxji tagħhom u nsemmi biss tnejn: l-aċċessibilta’ fit-trasport lejn u minn postijiet varji u l-bżonnijiet ta’ natura personali li tkun teħtieġ l-intervent ta’ assistant personali. 

Dawn huma biss żewġ oqsma li wkoll qed inħarsu lejhom mill-qrib biex nassiguraw li sfidi bħal dawn u oħrajn li jistgħu jinqalgħu ma jkunux huma l-kaġun li persuni b’diżabilta’ ma jaċċessawx it-taħriġ jew il-post tax-xoghol. 

Sfortunatament, minkejja l-għajnuna kollha u l-impenn kollu ta’ ħafna nies, b’saqajna mal-art nirrikonoxxu, li se jkun hemm numru ta’ żgħażagħ li ma jkunux jistgħu jaċċessaw la istituzzjoni post sekondarja u lanqas post tax-xogħol.  U anke għal dawn irridu nassiguraw li jkun hemm servizzi varji u ta’ natura differenti milli qed noffru sal-lum, biex nilħqu l-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom. 

Nifhem li hawnhekk għandna sfida kbira u rridu naħdmu fuqha mill-aktar fis possibli u għandhom ikunu nvoluti fiha kemm il-qasam edukattiv kif ukoll l-Aġenzija Sapport fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizi Soċjali.  Hawnhekk qed nirreferi b’mod partikolari għaċ-Ċentri tal-Adulti.   

Tajjeb niftakru li bħala studenti, tfal u żgħażagħ b’diżabilta’ jingħataw servizzi kemm fi skejjel regolari kif ukoll f’ċentri ta’ riżorsa, fejn is-servizz edukattiv u l-istrutturi minn fejn jingħataw huma bil-bosta ħafna aktar ta’ livell ogħli milli qatt jistgħu joffru ċ-Ċentri tal-Adulti bil-mezzi li għandhom u l-mod kif qed joqperaw il-lum. 

Irrid nagħmilha ċara li dawn iż-żewġ servizzi m’għandhomx ikunu identiċi iżda m’hemmx dubbju li għandu jkun hemm kontinwita u s-servizzi li jingħataw ikunu jqarrbu lejn xulxin.  Huwa ferm importanti li l-oqsma differenti jaqsmu dik l-esperjenza u l-expertise li nbniet matul is-snin biex jitfassal programm ħolistiku skont il-fażijiet differenti tal-individwu li minn student irid jimxi għal fażi oħra fil-ħajja tiegħu bħala membru attiv fil-kommunita’. 

M’hemmx dubbju li l-familja hija dak in-nukleju li joffri l-aqwa sostenn għall-persuna b’diżabilita.  U fil-maġġoranza kbira tal-każi, dan ir-rwol il-familja taqdih b’ħafna mħabba għożża u impenn. Ippermettuli hawn biex ngħid grazzi kbira lil dawn il-familji u għaqdiet volontarji li jagħtuhom ħafna appoġġ.  Iżda dan ma jfissirx li l-familja ma tiltaqax ma’ bosta problemi.   

Waħda mill-akbar uġiegħ ta’ ras għall-ġenituri żgur li hi x’se jiġri minn uliedhom meta huma ma jkunux jifilħu jduru bihom aktar.  Il-ħidma tagħna għandna niffukawha fuq appoġġ lill-familja iżda li fl-istess ħin inħeġġu u nrawmu ħiliet, kemm fil-ġenituri kif ukoll fl-ulied, li jippromwovu l-indipendenza.  Irridu li minn jieħu ħsieb persuni b’diżabilita jkollu l-opportunita’ li jistrieħ għal ftit żmien permezz ta’ servizzi aktar mifruxa ta’ respite biex ikunu jistgħu jkomplu jieħdu ħsiebhom aktar fit-tul.  

Irridu nkunu ta’ aktar għajnuna meta l-familji jkollhom bżonn jagħmlu tidbil fid-djar tagħhom biex jindirizzaw il-bżonnijiet ta’ persuna b’diżabilta’ li jkunu riżultat dirett tad-diżabilta’ infisha. 

Irridu li jkollna aktar aċċess għall-akkomodazzjoni f’nuklei żgħar fil-kommunita bl-appoġġ meħtieġ biex persuni b’diżabilta’ jkunu jistgħu jgħixu b’mod kemm jista’ jkun indipendenti. 

Dawn huma biss ftit ħsibijiet li rridu nkomplu naħdmu dwarhom.  Jien qrajt b’interess il-madwar 20 proposta li nsibu fid-dokument li qed ikun ipprezentat illum u nwiegħed l-impenn tiegħi u tal-uffiċjali fi ħdan il-Ministeru biex flimkien naħdmu bis-sħih biex jiġu mplimentat ir-rakkomandazzjonijiet tal-KNPD sal-massimu possibli u fi żmien raġonevoli. 

Ippermettuli li nieħu din l-okkazzjoni biex insellem il-memorja ta’ Dun Mikiel Azzopardi li din is-sena qed jitfakkar għall-ħidma tiegħu fil-qasam tad-diżabilta’.   

Il-valur ta’ Monsinjur Mikiel irridu napprezzawh mhux mill-perspettiva biss tal-lum iżda fil-kuntest ta’ meta beda l-ħidma tieghu fis-snin sittin meta l-persuna b’diżabilta kienet nieqsa mir-rispett u d-dinjita’. Dun Mikiel emmen fil-potenżjal ta’ kull bniedem huma x’inhuma l-ħiliet tiegħu. 

Nieħu din l-okkazzjoni wkoll biex nirringrazzja lil kull min matul is-snin ta u għadu qed jagħti l-kontribut tieghu f’dan il-qasam fl-aħjar interess tal-persuni b’diżabilta’, il-familji tagħhom u b’risq is-soċjeta’ in ġenerali. 

Nagħlaq bl-istess kliem li użajt ftit ġimgħat ilu meta nehdejna r-riforma tal-iskejjel speċjali:  Ejja nirrikonoxxu u napprezzaw dak li sar fil-passat;  Ejja ma nitilfu xejn minn dak li nkiseb sa issa;  Iżda ejja naħdmu flimkien biex inkomplu mexjin ‘il quddiem fl-aħjar interess tal-persuni b’diżabilita’ llum u tal-ġenerazzjonijiet futuri. 

Grazzi

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow