Left arrow Mur Lura

IL-MEUSAC JIDDISKUTI L-ESKLUŻJONI SOĊJALI UL-ĠLIEDA KONTRA L-FAQAR

PR0542
Date Icon 26/03/2010

L-esklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar kienu t-temi ewlenin fuq l-aġenda tal-Core Group illum.  Saret preżentazzjoni tal-Programm Nazzjonali dwar is-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali minn uffiċjali fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, fosthom minn Dott. Noel Calleja, Project Administrator tas-Sena Ewropea 2010, li elenka l-attivitajiet li l-Korp għall-Implimentazzjoni Nazzjonali se jkun qed jorganizza biex iqajjem kuxjenza dwar l-esklużjoni soċjali u l-faqar 

F’Malta s-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali tnediet nhar l-Erbgħa 3 ta’ Frar.  L-għan ta’ din is-sena hu li:

iżżid il-kuxjenza fuq il-kawżi u l-konsegwenzi tal-faqar fl-Ewropa;

tqanqal lill-gvernijiet, l-imsieħba soċjali u l-pubbliku ġenerali fil-ġlieda kontra l-faqar;

tippromwovi l-integrazzjoni soċjali u l-inklużjoni; u

tfassal dokumenti ta’ politika ċara għall-UE li bihom tkun tista’ tiġġieled kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Dott. Marisa Scerri, Direttur (Programme Implementation) spjegat li l-kampanja pubblika se tkun indirizzata kemm għal gruppi vulnerabbli fis-soċjetà kif ukoll għal min ma jgħixx fil-faqar iżda jista’ jkun ta’ għajnuna għal min qed jgħix fil-faqar.  Saħqet dwar il-punt li għandu jkun imfassal dokument ta’ politika dwar azzjonijiet konkreti għas-snin li ġejjin. 

Il-punti li tqajmu mill-membri tal-Core Group kienu jinkludu:

liema se jkunu l-kriterji li fuqhom se jitkejjel is-suċċess tal-kampanja u jekk intlaħqux l-għanijiet għal din is-sena;

li filwaqt li tinħoloq kuxjenza dwar il-faqar u l-esklużjoni soċjali għandna wkoll naraw li naslu tassew għand min hu meqjus bħala “eskluż”;

li l-partijiet kollha interessati (potential stakeholders) għandhom ikunu involuti kemm waqt din is-sena kif ukoll wara li jintemmu l-attivitajiet;

li nifhmu l-isfida tal-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali biex inkunu nistgħu nagħtu ħiliet ġodda lil persuni li jkunu qed jgħixu f’dawn iċ-ċirkustanzi;

li ma nirreklamawx biss il-problema imma ngħidu wkoll x’jista jsir biex din il-problema tkun iffaċċjata;

li jkun hemm iktar aċċess għall-mediċina innovattiva fis-suq biex ir-riżultat tal-kura jkun aktar effettiv u għalhekk jippermetti lil min ikun marid jerġa’ jirritorna lura fid-dinja tax-xogħol; u

li jiġu indirizzati forom ġodda ta’ faqar, fosthom persuni separati jew dawk li l-livell tad-dħul tagħhom naqas wara r-riċessjoni.

Waqt l-istess laqgħa ġiet ippreżentata u diskussa il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Proposta għar-Rapport Konġunt dwar il-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali 2010. Is-Sur George Sultana, Direttur (Policy Development u Affarijiet tal-UE), fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja qal li r-Rapport Konġunt jiffoka fuq l-inklużjoni soċjali, il-pensjonijiet u l-kura tas-saħħa.  Il-kriżi ekonomika aċċentwat il-problemi ta’ faqar u  għalhekk l-għan tar-Rapport hu li jgħin lill-UE toħroġ b’soluzzjonijiet konkreti li jmorru lil hinn mis-soluzzjonijiet li ftit ftit qed jgħinuha toħroġ mir-reċessjoni.   

Ir-Rapport jisħaq fuq il-bżonn ta’ aktar parteċipazzjoni fil-qasam tax-xogħol permezz ta’ inklużjoni ikbar kif ukoll jitkellem dwar iktar effiċjenza fil-qasam tas-saħħa.  Is-Sur Sultana qal li huwa kkalkulat li minħabba l-kriżi ekonomika r-rata ta’ dawk bla xogħol se tkompli tiżdied.  Din se tħalli impatt negattiv fuq is-sistema tal-benefiċċji socjali fil-pajjiżi membri tal-UE; għalhekk, permezz ta’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea qed tixpruna għal tkabbir aktar sostenibbli.  Is-Sur Sultana tenna li Malta taqbel mar-Rapport Konġunt u mal-bżonn li jkunu adottati soluzzjonijiet fit-tul.  Huwa qal li l-glieda kontra l-faqar, inkluż il-faqar fost it-tfal, għandha tkun fuqnett tal-aġenda tal-Gvern.   

Fost ir-reazzjonijet mill-membri għar-Rapport Kunġunt kien hemm:

il-bżonn li jkun hemm pjan ta’ azzjoni biex tkun iffaċċjata l-problema tal-illiteriżmu f’pajjiżna;

il-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet jew jiddaħħlu miżuri (bħal family-friendly measures) li jgħinu lil persuni li jixtiequ jaħdmu jidħlu fis-suq tax-xogħol, fosthom nisa li jkollhom tfal żgħar;

li jinstab bilanċ bejn il-kundizzjonijiet li jingħataw lin-nisa biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol u min iħaddem;

in-nuqqas ta’ family-friendly measures fis-settur privat;

il-bżonn li jkun diskuss x’se jiġri wara li l-UE toħroġ mill-kriżi ekonomika, speċjalment kif se tikkompeti ma’ ekonomiji emerġenti;

il-bżonn li tkun żgurata l-kompettività;

iktar investiment fis-settur tas-saħħa, mhux biss fil-ħaddiema imma wkoll fit-teknoloġija li tintuża;

is-sostenibilità tas-sistema tal-pensjonijiet;

il-ħtieġa li jingħataw ħiliet bażiċi liż-żgħażagħ biex ikunu jistgħu jsibu impjieg; kif ukoll

investiment iktar f’ħiliet ġodda għal xogħlijiet ġodda.

Preżenti għal-laqgħa tal-Core Group, ippreseduta minn Dott. Chris Said, Segretarju Parlamentari għal Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, kien hemm Dott. Vanni Xuereb (Kap tal-MEUSAC), Dott. Godwin Grima, Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sinjorina Graziella Pullicino (A/Kap, Segretarjat UE fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru), is-Sur Tonio Mercieca  (Azzjoni Nazzjonali), is-Sur Arthur Rossi (CMTU), is-Sinjorina Abigail Mamo (GRTU), is-Sur Victor Carachi (GWU), l-Inġ. Ray Muscat u s-Sur Kevin Borg (MCCEI), Dott. Paul De Battista (Malta Employers’ Association), Dott. Joe Mifsud (PL), Dott. Frederick Azzopardi (PN), Dott. Romina Bartolo (UĦM), is-Sinjura Grace Attard, is-Sur Benjamin Rizzo, is-Sur Julian Zarb (rappreżentanti tas-soċjetà ċivili), Dott. Diane Farrugia (Segretarju), kif ukoll xi membri sostituti, membri tal-istaff tal-MEUSAC, tas-Segretarjat għall-UE fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, kif ukoll uffiċjali mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u minn agenziji li jaqgħu taħt dan il-Ministeru.  

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow