ZJARA TA’ KORTESIJA LIL MR SPEAKER MILL-AMBAXXATUR GDID TAL-VENEZUELA AKKREDITAT GHAL MALTA
L-Ambaxxatur ġdid tal-Veneżwela akkreditat għal Malta, l-E. T. Luis José Berroterán Acosta, dalgħodu għamel żjara ta’ kortesija lill-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati, Louis Galea, fl-Uffiċċju tiegħu fil-Palazz, il-Belt Valletta.
L-Onor. Galea tkellem fuq kif id-differenza fid-daqs u d-distanza li tifred iż-żewġ pajjiżi ma kellhiex ixxekkel liż-żewġ naħat milli jżommu kuntatt ma’ xulxin sabiex joktru l-iskambji bejniethom. Dr. Louis Galea stqarr mal-Ambaxxatur li huwa jemmen bis-sħiħ li wieħed jista’ jniedi djalogu effettiv meta jaqsam ma’ pajjiż ieħor ir-rikkezzi li mogħnija bihom artu, bħal per eżempju fl-oqsma tal-arti, tal-kultura, u tar-restawr. Żjarat ta’ akkademiċi u intelletwali fil-pajjiż dejjem jagħmlu ġid għaliex iservu sabiex iwasslu l-kelma u jagħtu viżjonijiet aktar wiesgħa tal-ħajja u tad-drawwiet fil-Kontinent tal-Amerika tan-Nofsinhar minn naħa l-waħda, u dawk ġewwa dik il-gżira Ewropea f’nofs il-Mediterran imlewwna bi storja u kultura li jmorru lura għexieren ta’ sekli mill-banda l-oħra. L-Onor. Galea spjega kif il-Maltin dejjem ħadu pjaċir meta jsiru jafu aktar dwar popli u pajjiżi li ġeografikament kienu jinsabu mbiegħda minn xulxin, iżda li imbgħad xi ħadd jieħu l-inizjattiva sabiex iressaqhom lejhom ħalli jarawhom f’dawl aħjar.
L-Ambaxxatur Berroterán ikkonferma l-interess li għandu sabiex ikattar l-kuntatti bejn iż-żewġ pajjiżi. L-idea li jkun hemm aktar skambji kulturali lilu tolqtu, u kien lest li, kif kien aċċennalu l-Onor. Galea, jaħdem sabiex jara li aktar artisti minn pajjiżu li jkunu qed iżuru l-Italja jestendu l-mawriet tagħhom għal Malta, u b’hekk, filwaqt li dawn igawdu mill-wirt għani tal-gżira, jkunu jistgħu jaqsmu mal-Maltin it-tradizzjonijiet Veneżwelani. Kien għalhekk, tenna l-Ambaxxatur tal-pajjiż Latin Amerikan, li jaqbel li jsiru sforzi ħalli dak li llum meqjus bħala pajjiż imbiegħed ikun konoxxut aktar u aħjar mill-Maltin, kif ukoll sabiex il-ħiliet u l-kapaċitajiet tal-Maltin f’bosta oqsma jkunu jistgħu jitwasslu biex jitgawdew miċ-ċittadini f’pajjiżu.
Matul il-laqgħa, l-iSpeaker Malti kien assistit mill-Konsulent għar-Relazzjonijiet Internazzjonali fil-Kamra tar-Rappreżentanti, l-Ambaxxatur Gaetan Naudi, filwaqt li l-Ambaxxatur tal-Veneżwela kien akkumpanjat minn żewġ uffiċjali mill-Ambaxxata tal-pajjiż f’Ruma.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990