WIRJA ‘GETHSEMANE’ FIL-BIRGU
Fis-sede tas-Soċjeta’ Mużikali San Lawrenz fil-Birgu giet inawgurata il-wirja Gethsemane bit-tema tal-Ġimgħa Mqaddsa u l-passjoni ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. Din il-wirja bdiet minn grupp ta’ żgħażagħ 16 –il sena ilu u dakinhar kienet tikkonsisti f’esebizzjoni ta’ settijiet ta’ statwi żgħar u oġġetti oħra marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa.
Il-wirja baqgħet tikber matul is-snin u llum wieħed jista’ jara vari maħduma b’arti kbira u ta’ qies normali, li jirrapreżentaw 17 –il personaġġ. L-esebizzjoni ta’ din is-sena ġiet inawgurata mis-Segretarju Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika l-Onor Chris Said li faħħar l-inizzjattiva tas-Soċjeta Mużikali San Lawrenz u qal li, minbarra l-aspett reliġjuż, attivitajiet bħal din il-wirja għandhom importanza kbira għax jesponu l-identità u l-kultura tagħna.
Chris Said qal li biex għaqda volontarja ttella’ attivita bħal din ikun hemm bżonn ħafna dedikazzjoni u impenn, iżda finalment is-soċjeta tieħu s-sodisfazzjon li tkun qiegħda mhux biss iżżomm ħajja, iżda wkoll issaħħaħ tradizzjoni li tant hi mportanti għalina l-Maltin.
Chris Said qal li il-wirja Gethsemane mhix attività iżolata u m’għandhiex tittieħed bħala tali. Gethsemane hija ħolqa fil-kullana ta’ wirjiet u attivitajiet oħra marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa li jsiru fil-Birgu f’dawn iż-żminijiet. Dawn l-attivitajiet kollha flimkien matul is-snin għamlu ‘l Birgu sinonimu mal-Ġimgħa Mqaddsa.
Illum eluf ta’ Maltin u barranin iżuru din il-belt antika propju biex isegwu dawn l-attivitajiet, jidħlu fl-atmosfera tal-Ġimgħa Mqaddsa u jammiraw l-arti u l-kultura tant antika li tkun esposta prattikament f’kull triq tal-belt Vittoriosa.
Is-Segretarju Parlamentari aċċena għax-xogħol tal-kunsill lokali tal-Birgu biex dawn l-attivitajiet jikbru u jissaħħu u nnota b’sodisfazzjon li l-kunsill ta sehemu wkoll fil-wirja tas-Soċjeta Mużikali San Lawrenz. Chris Said qal li l-kunsill lokali tal-Birgu qed jagħmel ħafna xogħol biex il-Birgu jsir vetrina tat-tradizzjonijiet u l-kultura tagħna u r-riżultati ta’ dan ix-xogħol sfieq, illum jistgħu jitgawdew minn kulħadd.
Chris Said irringrazzja lis-Soċjeta Mużikali San Lawrenz u lill-kunsill lokali tal-Birgu u heġġiġhom biex, flimkien mar-residenti u l-għaqdiet l-oħra ta’ din il-belt imdawwra bis-swar, ikomplu jaħdmu ħalli l-Birgu jibqa’ benniena tat-tradizzjonijiet li jaghtuna l-identità tagħna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990