l-vot tal-Parlament Ewropew dwar in-nomini ta’ Membri fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri
LOUIS GALEA SODISFATT BIR-RIŻULTAT U JIRRINGRAZZJA
L-iSpeaker Louis Galea laqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li dalgħodu l-Parlament Ewropew (PE) ivvota b’553 vot favur in-nomina tiegħu mill-Gvern, bħala l-membru Malti fuq il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA). Issa jonqos li f’April il-Kunsill tal-Ministri, jaħtar b’mod formali l-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Louis Galea fisser li ma setgħax ikollu vot daqshekk qawwi favur in-nomina tiegħu kieku ma vvutawx favor, il-biċċa l-kbira tal-gruppi politiċi rappreżentati fil-PE, b’mod partikolari l-vot favur tal-akbar żewġ gruppi, jiġifieri, il-Partit Popolari Ewropew u l-Grupp tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi.
Louis Galea jirringrazzja mill-qalb u pubblikament lill-Ewro-Parlamentari Simon Busuttil u Louis Grech, kapijiet tal-gruppi Maltin fil-Parlament Ewropew, li flimkien mal-MPE David Casa, John Attard Montalto u Edward Scicluna, taw l-appoġġ kostanti u fil-miftuħ tagħhom favur in-nomina tiegħu, speċjalment fil-gruppi rispettivi tagħhom.
Louis Galea fisser l-apprezzament tiegħu għall-appoġġ espress lill-Alternattiva Demokratika permezz taċ-Chairman tagħha s-Sur Michael Briguglio.
Louis Galea jirringrazzja b’mod partikolari lil Prof. Josef Bonnici, l-ewwel Membru Malti tal-QEA, li hekk kif sar jaf bin-nomina, offra l-għajnuna u l-appoġġ kollu biex Dr Galea jikseb l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-Qorti, ħaġa li serviet ta’ għajnuna sostanzjali waqt is-smigħ quddiem il-Kumitat tal-Kontroll tal-Budget tal-PE.
Louis Galea jirringrazzja ħafna lill-Ambaxxatur Richard Cachia Caruana, ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea, tal-appoġġ u s-servizz utli li estendielu tul il-proċess tas-smigħ quddiem il-PE.
Louis Galea japprezza wkoll l-għajnuna tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur f’Malta li għinuh bil-briefings u bid-dokumentazzjoni meħtieġa.
Louis Galea jirringrazzja lill-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat li mhux biss appoġġja n-nomina pubblikament imma anke ħeġġeġ lill-Grupp Soċjalista fil-PE biex jappoġġja n-nomina tal-kandidat Malti.
Fl-aħħarnett, iżda mhux l-anqas, Louis Galea jirringrazzja lill-Prim Ministru Lawrence Gonzi, li b’ġest ieħor ta’ fiduċja ppropona n-nomina tiegħu, u lill-Kabinett u l-Grupp Parlamentari tal-PN li appoġġjaha.
Louis Galea japprezza l-messaġġi ta’ awguri u ferħ li rċieva minn kwantità kbira ta’ ċittadini u ħbieb.
“Irrid nassigura lil kulħadd li ser nagħmel ħilti kollha biex inżomm isem Malta u l-Maltin fl-ogħla post billi naqdi dmirijieti bl-aktar mod professjonali u integru. Beħsiebni wkoll nibqa’ nsegwi mill-qrib ferm dak kollu li jkun qed iseħħ f’Malta u ser nibqa’ viċin il-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet tal-poplu Malti u Għawdxi.”
Fil-ġranet li ġejjin Louis Galea ser jitkellem mal-Prim Ministru u mal-Kap tal-Oppożizzjoni biex jittieħdu l-passi meħtieġa għal elezzjoni mill-Parlament ta’ Speaker ġdid u biex ikun hemm transizzjoni bla ebda skossi fl-Uffiċċju tal-iSpeaker.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990