L-PRESIDENT GEORGE ABELA JINAWGURA WIRJA TA’VARI ĠEWWA L-PALAZZ TA’ SANT’ANTON
“Għall-ewwel darba f’Sant’Anton se jsiru l-funzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa. Il-kappella tal-Palazz se tinżamm miftuħa f’Ħamis ix-Xirka biex wieħed ikun jista’ wkoll jagħmel żjara waqt is-Seba’ Viżti. Fil-Ġimgħa l-Kbira, fit-tlieta ta’ wara nofsinhar, se ssir il-funzjoni fil-kappella filwaqt li f’Ħadd il-Għid fid-disgħa ta’ filgħodu se tiġi ċċelebrata quddiesa fil-ġnien pubbliku mmexxija mill-Arċisqof Mons. Pawlu Cremona u animata minn Animae Gospel Choir.”
Dan qalu l-President George Abela waqt li inawgura wirja ta’ vari li qed tittella fil-kappella Russa, li se tkun miftuħa tul il-Ġimgħa Mqaddsa u li hi magħmula minn 10 vari u 550 figura oħra, kollox maħdum mit-tafal Malti.
Din it-tip ta’ wirja qed tittella għall-ewwel darba f’Malta. Il-personaġġi bibbliċi, il-qassisin, l-abbatini, ir-reffiegħa, il-fratelli, il-banda u l-ornamenti tagħhom bħal slaleb, fanali, forċini, eċċ., huma kollha xogħol bl-idejn ta’ Pawlu Muscat minn Birkirkara. Tul it-triq tal-purċissjoni hemm ukoll arbli bil-bandalori u kolonni bl-anġli. Dawn ukoll inħadmu minn Pawlu Muscat li dam sentejn biex lesta dan kollu.
L-għaxar statwi esebiti f’din il-purċissjoni huma ta’ Laurence Mamo minn Ħad-Dingli u huma xogħol ta’ ċertu mgħallem Mangion minn G’Mangia, xogħol li jmur lura 40 sena.
Dawn l-istatwi huma xogħol bit-tafal Malti, maħduma skond is-sengħa tradizzjonali Maltija. Huma ġew restawrati tlett snin ilu minn Pawlu Muscat li ħadem ukoll l-istatwa tal-Aħħar Ċena miżjuda mas-sett oriġinali. Ix-xogħol fl-injam tal-kewba hu maħdum minn Robert Cassar minn Wied il-Għajn u l-ornamenti l-oħra bħal dwal, fjuretti, disinji tal-kantunieri u l-lasti tar-reffiegħa hu kollu xogħol bl-idejn ta’ Laurence Mamo stess.
Il-wirja tkun miftuħa kuljum bejn is-6.00 p.m. u d-9.00 p.m. Fil-festi se tkun miftuħa l-ġurnata kollha Donazzjonijiet li jinġabru waqt il-wirja jmorru għall-Malta Community Chest Fund.
Fl-okkażjoni, is-Sur Pawlu Muscat għoġbu jagħti sett ta’ vari żgħar biex jinżammu fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990