Left arrow Go Back

10 miljUni fiskema ta’ Micro-Credit għan-NegozJi ż-Żgħar

PR0530
Date Icon 25/03/2010

Wara li fil-Budget 2010 tħabbar li kienet se titnieda skema ta’ microcredit għall-intrapriżi ż-żgħar, illum kien iffirmat ftehim bejn il-Gvern u l-Fond Ewropew għall-Investiment (EIF) li permezz tiegħu €10 miljuni se jitpoġġew għad-dispożizzjoni ta’ din l-istess skema.

Dan il-ftehim kien iffirmat mill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, l-Onor. Tonio Fenech u ċ-Chief Executive tal-Fond, is-Sur Richard Pelly. Dan qed isir fil-kuntest tal-Programm JEREMIE, li huwa inizjattiva konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u l-EIF li għandu l-għan li jiffaċilita l-aċċess għall-finanzi għall-intrapriżi żgħar u medji.

Il-Ministru Tonio Fenech qal li dan huwa inċentiv importanti ieħor għall-intrapriża ż-żgħira f’pajjiżna u fakkar li dan jingħaqad ma’ inizjattiva oħra importanti mnedija din is-sena, wara dik ta’ tax credits fejn SMEs jistgħu jgawdu 40% ta’ tnaqqis mit-taxxa fuq investiment f’makkinarju u teknoloġija, restawr u modernizzar tal-faċilitajiet tagħhom u impjiegi ġodda.

Dan ifisser li b’dan il-ftehim issa jista’ jinbeda l-proċess biex istituzzjonijiet finanzjarji lokali jiġu mistiedna jesprimu l-interess tagħhom biex jamministraw din l-iskema.

Dan mistenni jsir fil-ġimgħat li ġejjin. Aktar tard din is-sena, wara li tkun magħżula l-istituzzjoni finanzjarja li se tkun responsabbli mill-amministrazzjoni ta’ l-iskema, l-intrapriżi eliġibbli se jkunu jistgħu japplikaw għas-self direttament ma’ din l-istituzzjoni.

Tonio Fenech esprima l-apprezzament tiegħu għall-fatt li l-Gvern qed jaħdem mal-Fond Ewropew għall-Investiment u jibbenefika mill-għarfien u l-esperjenza fir-rigward tal-finanzjament tal-SMEs. Dan flimkien mal-għarfien lokali għandu jwassal għal benefiċċji konkreti għal dan is-settur f’pajjiżna.

Is-Sur Pelly qal li huwa “jinsab ferm kuntent li dan l-istrument qed jgħin fit-tisħiħ tal-aċċess għall-finanzi għan-negozju ż-żgħar.” Huwa spjega li dawn l-€10 miljuni “se jiffaċilitaw self żgħir u mikro-finanzjament għall-intrapriżi ż-żgħar f’pajjiżna.” Huwa temm billi esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-bidu ta’ din is-sħubija importanti u li għandha tħalli l-frott mal-Gvern Malti għall-benefiċċju tan-negozju lokali.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow