IL-KUMMISSARJU GĦOLI MALTI FIR-RENJU UNITJATTENDI ĊELEBRAZZJONIJIET BIEX JIKKOMMEMORAW ĊENTINARJU MILL-MIĠJA TA’ PATRI MALTI F’RYE
Fil-ġranet li għaddew il-Knisja Kattolika ta’ Sant Antnin f’Rye, Sussex iċċelebrat ċentinarju mill-miġja tar-Rev. Patri Bonaventure Sceberras O.F.M. Conv., Patri Franġiskan minn Malta li wettaq il-ħidma pastorali tiegħu f’Rye. Il-Kummissarju Għoli ta’ Malta u s-Sinjura Zammit Tabona kienu mistednin distinti, flimkien mas-Sindku ta’ Rye.
Ġiet iċċelebrata quddiesa solenni konċelebrata fil-Knisja ta’ Sant Antnin ta’ Padova fejn Patri Samuel Chetcuti, il-Ministru Provinċjal tal-Franġiskani Minuri Konventwali ta’ Malta kien il-Konċelebrant Ewlieni. Huwa qaddes flimkien mad-Delegat Generali tal-Franġiskani fir-Renju Unit u l-Irlanda, Patri James McCurry O.F.M. Conv.
Wara l-quddiesa, l-Kummissarju Għoli is-Sur Joseph Zammit Tabona inawgura Plakka Kommemorattiva mal-ħajt tal-Kunvent tal-Franġiskani li qiegħed ħdejn il-Knisja u mbagħad kien hemm riċeviment għall-mistednin distinti.
Ir-Rev Patri Bonaventure Sceberras O.F.M. Conv. mar l-Ingilterra għall-ewwel darba fl-1906 bħala Kappillan ma’ Lt. Col. Fredrick Sedley, il-Markiż ta’ Taflija, Malta – li kien benefattur tal-Ordni Franġiskana fl-Ingilterra u tal-Knisja ta’ Sant Antnin ta’ Padova. Fl-1910 Patri Bonaventure Sceberras O.F.M. Conv., laħaq Kappillan tal-Parroċċa ta’ Sant Antnin, li dak iż-żmien kien għada ddedikata lil Santa Walburga. Waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija huwa serva bħala Kappillan fil-Korp u waqt li kompla jservi bħala Kappillan f’Rye sal-1934.
Waqt dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, Patri Bonaventure ġie mfakkar għall-kariżma tieghu u l-enerġija fil-qadi ta’ dmirijiethu, tant li malajr rebaħ il-qlub tal-parruċċani tiegħu. Meta beda f’Rye, Patri Bonaventure kien sab parroċċa fqira finanzjarjament, imma b’suċċess hu jrnexxielu jbiddilha f’parroċċa li trendi. Huwa kien il-mutur wara l-bidla fl-1927 mill-Knisja ta’ Santa Walburga għal dik li nafuha llum bħala l-Knisja ta’ Sant’Antnin ta’ Padova.
Tfakkar ukoll is-sehem tiegħu fil-konverzjoni ta’ żewġ għalliema għar-reliġjon Kattolika u t-twaqqif ta’ l-ewwel skola indipendenti għat-tfal Kattoliċi f’Oxford. Din l-iskola semmewha Rye St Antony, bħala rikonoxximent għall-ispirazzjoni li kien tahom Patri Bonaventure. Kif xieraq, il-Kor tal-iskola Rye St Antony ta s-sehem tiegħu fil-kant waqt il-quddiesa konċelebrata.
Il-Kummissarju Għoli is-Sur Joseph Zammit Tabona irringrazzja lill-Kappillan ta’ Sant’Antnin Patri Paul Clarke, lill-Kunsill tal-Parroċċa u lill-Kumitat Ċentenarju tal-Parroċċa, talli organizzaw programm estensiv biex jonoraw lil Patri Malti Bonaventure Sceberras, u talli kkommemoraw il-kontribut tiegħu f’Rye.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990