Dikjarazzjoni tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni
B’referenza għar-rapporti li dehru fuq l-aħbarijiet ta’ One TV tat-23 ta’ Marzu 2010 (u anke ripetuti wara) u kif ukoll fuq il-websajt tal-Maltastar.com tal-24 ta’ Marzu b’konnessjoni mas-seduta tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi ta’ nhar it-Tnejn 22 ta’ Marzu dwar ir-rapport magħmul minn PricewaterhouseCoopers dwar l-proġetti li t-Tarzna ta’ Malta ħadmet fuq il-Fairmount Fjord u l-Fairmount Fjell, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni jiddikjara illi, kuntrarjament għal dak li ġie rappurtat, f’ebda ħin hu ma qal li l-Ministru Austin Gatt kien awtorizza erba’ miljun ewro għall-proġett tal-Fairmount mingħajr ma l-Ministru kien ra l-kuntratt minn qabel. Is-Segretarju Permanenti jippreċiża wkoll li dak li hu qal quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi kien illi t-talbiet għall-garanziji tal-Gvern li kien ikollha bżonn it-Tarzna kienu jgħaddu mingħandu qabel ma jkunu pproċessati mill-Ministeru tal-Finanzi. Barra minn hekk, meta kien mistoqsi jekk kienx ra l-kuntratt minn qabel is-Segretarju Permanenti wieġeb li hu ma kienx rah.
Is-Segretarju Permanenti jżid jgħid ukoll, illi kuntrarjament għal dak li kien rappurtat fil-media imsemmija qabel, il-Ministru Gatt qatt ma rreaġixxa għal dak li kien qal hu per se, imma ried biss jippreċiża kif taħdem is-sistema tal-Garanziji li jagħti l-Gvern, jiġifieri l-fatt li kienet xi ħaġa normali li l-Gvern kien joħroġ garanziji lit-Tarznari skond il-bżonn, sabiex din kienet tkun tista’ tissellef l-flus meta kien ikollha problemi fil-cash flow. Dan għaliex mingħajr dawn il-garanziji t-Tarzna ma kinitx setgħet tibqa’ topera.
Is-Segretarju Permanenti jiddikjara illi jidher ċar illi r-rappurtaġġ kif sar fuq il-mezzi tax-xandir imsemmija kien wieħed skorrett u għalħekk jitlob li ssir korrezzjoni f’ġieħ is-sewwa u skont il-liġi tal-istampa u anke b’rispett lejn ix-xogħol tal- Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990