Left arrow Go Back

ATTIVITAJIET TAL-ĠIMGĦA MQADDSA F’GĦAWDEX

PR0519
Date Icon 24/03/2010

Tmiem il-ġimgħa li għaddiet fissret li għadd ta’ Maltin u turisti qasmu l-fliegu f’temp mill-isbaħ biex iqattgħu xi jiem fil-gżira tat-tliet għoljiet. Il-vapuri tal-Gozo Channel, li waqt xi ħinijiet bejn il-Ħamis u l-Ħadd, kienu qed jaħdmu shuttle service, ġarrew kważi 56,000 passiġġier u aktar minn 14,200 vettura.

It-turiżmu intern lejn Għawdex mistenni jippersisti hekk kif minn nhar l-Erbgħa 31 ta’ Marzu, aktar Maltin mistennija jibdew jaqsmu lejn Għawdex, biex iqattgħu l-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa f’Għawdex. Matul dawn iż-żminijiet f’Għawdex jiġu organizzati bosta attivitajiet reliġjużi u kulturali, li jżidu ma’ l-attrazzjonijiet li toffri l-gżira f’dan iż-żmien tas-sena. Dan għal benefiċċju kemm ta’ dawk li jgħixu Għawdex, kif ukoll għall-Maltin u t-turisti li jagħżlu li jqattgħu btala qasira għal żmien il-Għid f’Għawdex.

Minbarra li jgawdi s-sbuħija naturali tal-gżira fi żmien ir-Rebbiegħa, min ser ikun Għawdex ser ikun jista’ jżur ukoll wirjiet u attivitajiet oħra mtellgħa minn diversi għaqdiet jew individwi f’postijiet differenti.

Fost dawn insibu wirjiet ta’ l-Aħħar Ċena fil-Banca Giuratale fir-Rabat, fil-Qasam tal-M.U.S.E.U.M. tas-Subien tan-Nadur, fil-Knisja Parrokjali ta’ San Ġwann Battista fix-Xewkija, fiċ-Ċentru Vokazzjonali li jinsab wara l-Bażilika Kolleġġjata tax-Xagħra, fil-Kunvent ta’ San Franġisk u fl-Oratorju Don Bosco fir-Rabat.

Dawn ser ikunu miftuħa għall-pubbliku sa Ħadd il-Għid bejn il-5.30 p.m. sat-8.00 p.m. mit-Tnejn sal-Ġimgħa, u bejn id-9.00 a.m. u nofsinhar, kif ukoll bejn il-5.30 p.m. u t-8.00 p.m is-Sibtijiet, il-Ħdud u fil-Ġimgħa l-Kbira.

Fiċ-Ċentru tal-Kultura u l-Arti fiċ-Ċittadella se tkun għadha għaddejja wkoll wirja ta’ arti kontemporanja mill-artista Franċiża Colette Marchant. Wirja oħra li se tkun miftuħa f’dawn iż-żminijiet hija dik organizzata minn Inspire Foundation, f’dar privata fi Triq ir-Repubblika fir-Rabat, li fiha hemm għal bejgħ xogħlijiet artistiċi, għamara u oġġetti antiki.

Fil-jum tal-Ġimgħa l-Kbira filgħaxija, ssir purċissjoni bl-istatwi, paegants u banda fit-toroq tal-Belt Victoria, fix-Xagħra, fin-Nadur u fiż-Żebbuġ. F’Ħadd il-Għid filgħodu, issir purċissjoni bi Kristu Rxoxt fil-Belt Victoria, fix-Xagħra, fin-Nadur, f’Kerċem u fix-Xewkija, filwaqt li filgħaxija ssir purċissjoni fil-Qala u fiż-Żebbuġ.

Barra minn hekk, fi tmiem din il-ġimgħa se jsiru diversi purċissjonijiet fosthom f’Jum id-Duluri fix-Xewkija u Għajnsielem, kif ukoll drama, kunċerti u attivitajiet oħra bit-tema tal-Ġimgħa Mqaddsa.

Aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet f’Għawdex tista’ tinkiseb minn fuq is-sit tal-Ministeru għal Għawdex www.gozo.gov.mt  jew mill-Uffiċċju tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex fuq 21556125.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow