STQARRIJJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX
Il-kuntratti tat-toroq f’Għawdex
Il-Ministeru għal Għawdex jikkundanna bl-aktar mod qawwi qlajjiet u allegazzjonijiet infondati li ġew Ppubblikati fl-Orizzont, dwar l-għoti ta’ kuntratti marbuta ma’ xogħlijiet ta’ bini ta’ toroq f’Għawdex.
Kull sejħa għall-offerti li tinħareġ mill-Ministeru għal Għawdex tgħaddi mill-proċess stipulat mill-liġi. Id-dokument tas-sejħa għall-offerti jinħadem u jinħareġ skont il-proċeduri normali u f’każi fejn il-proġett involut ikun ser jibbenefika minn ko-finanzjament minn fondi ewropej, ir-rekwiżiti mitluba jiġu proposti skont linji gwida ewropej.
Għalhekk ma huwiex minnu li jiġu stipulati kundizzjonijiet li jagħmluha diffiċli biex kuntratturi żgħar jew oħrajn ġodda jkunu jistgħu japplikaw. L-artiklu stess jikkwota li l-bini tat-triq ta’ Pinu qed jinħadem minn konsorzju magħmul minn żewġ kumpaniji, li filwaqt li waħedhom ma kienux ikunu jistgħu jlaħqu mall-kundizzjonijiet stipulati, dawn setgħu japplikaw b’mod konġunt. Ir-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet isiru biex jaċċertaw li x-xogħlijiet isiru kif suppost u biex jassiguraw kontroll xieraq fuq ‘il-flus mit-taxxi tal-poplu’.
L-applikazzjonijiet jgħaddu minn proċess ta’ evalwazzjoni bi proċedura regolari u trasparenti. Bħal ma ntqal diversi drabi, element bażiku li jiddetermina l-għażla huwa l-fatt li xi applikanti jonqsu milli jissottomettu dokumenti kif speċifikat fit-tender document. Minkejja l-qlajjiet u l-akkużi nfondati fir-rigward tal-Ministru għal Għawdex, il-Ministru terġa tisħaq li l-uniku interess huwa dak li jiġi assigurat li l-proċess tal-offerti u x-xogħlijiet isiru skont ir-regolamenti u l-istandards mixtieqa.
L-Orizzont għażel li jaqla’ minn żniedu allegazzjonijiet infondati.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990