Aktar serħan il-moħħ u anqas inkonvenjent fil-festi
Il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern, fil-Gazzetta tal-Gvern tal-lum, 23 ta’ Marzu 2010 ippubblika l-Avviż Legali numru 177 intitolat “Regolamenti tal-2010 li jemendaw ir-Regolamenti dwar Kontroll ta’ Xogħlijiet tan-Nar u Esplożivi oħra.”
L-emendi li joħorġu mill-Avviż Legali 177 u li jidħlu fis-seħħ mil-lum għandhom l-għan li jnaqqsu l-inkonvenjent għall-pubbliku li kien żviluppa f’dawn l-aħħar snin, jżid fir-responsablità u l-awto-dixxiplina nterna f’dan il-qasam sabiex tiżdied is-sigurtà sija għall-poplu, kif ukoll għal min jimmanifattura.
L-Avviż Legali qiegħed jagħti poteri legali sħaħ lill-Ispettorat dwar Xogħlijiet tan-Nar li nħoloq sentejn ilu. Dan l-Ispettorat diġà dar il-kmamar tan-nar kollha u issa ser jibda jistabbilixxi x’hemm bżonn isir ma’ kull kamra liċenzjata, u fl-istess ħin ser jgħati kontribut kruċjali biex jinforza l-liġi f’dan il-qasam.
Barra minhekk, qed jiġu ntrodotti numru ta’ passi amministrattivi li fihom il-kmamar tan-nar qed jiġu kontrollati b’dak li jagħmlu bil-materjal li jingħatalhom.
· Qed jiġi għalhekk introdott reġistru li fih ikun hemm rendikont ta’ dak li nxtara mill-kamra tan-nar u li jiġi manifatturat, liema reġistru huwa miftuħ għall-ispezzjoni.
· It-tieni, qed tiddaħħal limitazzjoni ta’ dak li għandu jiġi trasferit fil-prekursuri li llum qegħda tiġi definita aħjar bi Skeda iktar dettaljata.
· It-tielet, qed issir l-introduzzjoni tal-bżonn ta’ għoti tal-“material safety data sheet” fil-bejgħ ta’ dan il-materjal.
· Ir-raba’, l-użu tal-“potassium chlorate” qiegħed jiġi limitat għal 1150 kilogrammi u li s-sena tal-ħidma tibda mill-1 ta’ Ottubru, mhux Jannar.
Punt importanti ieħor huwa li l-użu ta’ dawk li huma magħrufin bħala “murtali tal-bomba” li jdejjqu ħafna lin-nies minħabba l-ħoss qawwi tagħhom qed jiġu limitati f’żewġ direzzjonijiet.
· L-ewwel, id-dimensjoni tagħhom qed tonqos minn 15-il ċentimetru għal 12-il ċentimetru u b’hekk qed titnaqqas is-saħħa tagħhom b’20%.
· It-tieni, li b’eċċezzjoni għat-tlett mumenti tas-salut, m’hux ser ikunu jistgħu jiġu sparati iktar minn sitt murtali ta’ dan it-tip.
Emenda oħra li qed tiġi ntrodotta hija distanza iktar qasira għal tipi partikolari ta’ sparar li huma limitati ħafna bħala saħħa. Dan qiegħed isir sabiex ikompli jħajjar numru ta’ festi li jmorru għal inqas sparar perikoluż, peress li din id-distanza ta’ 100 metru hija aktar faċli li ssir minn dik ta’ 150 metru. It-tipi ta’ murtali li jistgħu jiġu sparati huma espressament u definitivament limitati kif tgħid il-liġi, għal “sfafar, kaxxi tal-bombi, kuluri u beraq komposti bħala kaxxi infernali ta’ mhux iżjed minn 7.6 ċentimetri dijametru u 7.6 ċentimetri tul u murtali bi sparatura jew fetħa waħda, esklużi murtali tal-bomba ta’ wisa’ u tul ta’ mhux iżjed minn 10 ċentimetri, li ma jkunux komposti bħala kaxxi infernali.”
L-Avviż Legali 177 qiegħed ukoll għall-ewwel darba jirregola l-mod ta’ kif jistgħu jsiru l-provi ta’ sparaturi ta’ murtali u xogħlijiet oħra li jkunu qed jiġu ppruvati għall-ewwel darba.
Dan huwa pass ieħor fid-direzzjoni li permezz tagħha qiegħed jiżdied il-kontroll f’dan is-settur mingħajr ma tintilef din il-parti tal-ħajja u tas-soċjetà Maltija.
Il-Ministeru irid jirringrazzja lill-Għaqda tal-Piroteknika tal-koperazzjoni u sens komun tagħha, li wasslu għal din il-pożizzjoni. Hemm passi oħra li jistgħu jittieħdu fil-futur u l-Ministeru jinsab fiduċjuż li bid-djalogu u bl-użu tar-raġuni naslu sabiex nirreġistraw iktar punti ta’ qbil iktar ‘l quddiem.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990