Left arrow Mur Lura

TĦEJJIJIET GĦAŻ-ŻJARA TAL-Q.T. IL-PAPA BENEDETTU XVI F’MALTA

PR0507
Date Icon 23/03/2010

Waqt Konferenza tal-Aħbarijiet li saret dalgħodu, il-Kumitati Organizzattivi taw dettalji tal-Quddiesa li ser tkun ċċelebrata mill-Q.T. il-Papa Benedittu XVI, fuq il-Fosos tal-Floriana, nhar il-Ħadd 18 ta’ April, 2010.

Mons. Charles Cordina, Ko-Ordinatur tal-Kumitat Organizzattiv Interdjoċesan qal li bħal żjarat oħra li għamel il-Q.T. il-Papa Benedittu XVI, l-attivita’ prinċipali tkun dik taċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa. Mons. Cordina kompla jgħid li qed jistenna parteċipazzjoni qawwija minn naħa tal-pubbliku u semma kif se jkun hemm madwar 5,000 siġġu b’sezzjonijiet apposta riżervati għal dawk ta’ ‘l fuq minn 75 sena u persuni li jużaw l-wheelchair. Se jkun hemm ukoll servizz ta’ sign language f’żona apposta.

F’din il-konferenza ġie ppreżentat ukoll id-diżinn tat-tribuna b’diżinn ta’ Carlo Schembri li bil-kollaborazzjoni tal-Perit Joe Bondin, qed jieħdu ħsieb il-bini tat-tribuna u t-tqassim għal fuq il-Fosos. Carlo Schembri qal li t-tribuna ġiet iddiżinjata b’tali mod li s-Salib, li se jkun fiċ-ċentru, se jgħaqqad il-pubbliku mal-Papa. Fil-bini tat-tribuna ser jiġi użat materjal riċiklat, inkluż is-sedja li ser juża l-Q.T. il-Papa Benedittu XVI. Il-Perit Joe Bondin spjega wkoll li ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha possibli biex waqt il-bini tat-tribuna, ma ssirx ħsara lill-Fosos.

Tkellem ukoll Fr. Jesmond Manicaro responsabbli mil-liturgija li qal li l-Papa se jagħti lis-Santwarju t’Għawdex skultura fil-forma ta’ warda tad-deheb, magħrufa bħala Rosa d’oro. Din hija rikonoxxenza importanti li tingħata mis-Santa Sede lis-santwarji Marjani li għandhom tradizzjoni ta’ pellegrinaġġi. Fl-antik, din kienet tingħata mill-Papa lir-Rejiet sovrani ta’ pajjiżi kattoliċi. Il-Papa se jagħti r-Rosa d’oro lill-Isqof t’Għawdex, Mons. Mario Grech, fi tmiem il-Quddiesa.

Silvio Farrugia, Deputat Ko-ordinatur tal-Kumitat Organizzattiv Nazzjonali responsabbli mill-logistika, qal li minħabba l-ammont ta’ nies mistennija għal din l-attivita’, huwa importanti li l-pubbliku juża t-trasport pubbliku.

Il-Quddiesa ser tibda fl-10.00 ta’ filgħodu bil-Q.T. il-Papa Benedittu XVI jasal ftit qabel u jgħaddi minn fost il-folla permezz tal-Popemobil. Il-Papa Benedittu XVI ser joħroġ għall-quddiesa mill-Knisja ta’ San Publiju bil-purċissjoni tgħaddi minn fost in-nies preżenti. Wara l-quddiesa, il-Papa ser jgħid it-talba tar-Reġina Coeli, talba li soltu tingħad mill-Papa minn Pjazza San Pietru. Din il-Quddiesa ser tixxandar live minn ‘l fuq minn 60 stazzjon madwar id-dinja.

Il-pubbliku li jkollhu bżonn kull tip ta’ informazzjoni dwar din l-attivita’ jew dwar il-programm taż-Żjara tal-Papa f’Malta, jista’ jċempel Infoline 188 jew jibgħat e-mail fuq: info.zjarapapa@gov.mt

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow