Left arrow Go Back

ŻEWĠ KATEGORIJI ĠODDA TA’ GWARDJANI FOST EMENDI PROPOSTI GĦALL-ATT DWAR ĠWARDJANI PRIVATI U LOKALI

PR0506
Date Icon 23/03/2010

Il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern, fil-Gazzetta tal-Gvern tal-lum, 23 ta’ Marzu 2010 ippubblika Abbozz ta’ Liġi sabiex jemenda l-Att dwar Gwardjani Privati u Lokali (Kap. 389) li huwa intiż sabiex ikompli jsaħħaħ u jirregola aħjar il-qasam tal-Gwardjani Privati u Lokali, kif ukoll sabiex iwessa r-rwol tal-liġi biex din tibda tkopri setturi oħra.

Għalhekk, l-Abbozz qiegħed jipproponi li jiġu introdotti żewġ kategoriji ġodda ta’ gwardjani. L-ewwel kategorija ser tkun għal persuni li jitqabbdu fit-trasport ta’ flus u merkanzija ta’ valur u t-tieni għal gwardjani li jitqabbdu f’postijiet ta’ divertiment – dawk li huma komunement magħrufa bħala bouncers.

L-Abbozz isemmi b’mod ċar u dirett x’inhuma s-setgħat u d-dmirijiet tal-persuni li jkunu qed jaqdu dmirijiethom bħala gwardjani liċenzjati f’dawn il-kategoriji ġodda u speċjali.

Qed jiġi propost li persuni li huma gwardjani f’postijiet ta’ divertiment ikollhom il-poter li jżommu persuni milli jidħlu f’dawk il-postijiet, meta jkunu magħrufa li ddisturbaw jew li aġixxew b’mod vjolenti jew li mmolestaw.

Inoltre, meta persuna qegħda fil-post u ġġib ruħha ħażin b’aġir vjolenti, allura dan il-gwardjan għandu d-dritt li jikkontrolla lil dik il-persuna u jżommha sakemm jiġu l-Pulizija li jridu jiġu nfurmati mill-ewwel. Barra minhekk, meta persuna tkun qed iddejjaq jew timmolesta lil xi ħadd, allura dik il-persuna tkun tista’ tinħareġ mill-post. Dawn il-poteri huma kollha suġġetti għal użu ta’ forza minima.

L-Abbozz jipproponi wkoll li persuni li għandhom f’idejhom is-sigurtà ta’ postijiet fejn hemm il-flus, ta’ oġġetti ta’ valur jew li qed jittrasportawhom, jistgħu jżommu persuni milli jidħlu f’ċerti postijiet jekk ma jidentifikawx ruħhom. Qed jiġi propost ukoll li dawn il-persuni ser ikunu jistgħu jfittxu għall-armi fuq il-persuni li jidħlu kif ukoll ikollhom id-dritt li jżommu persuna li thedded jew li tuża arma jew persuna li tkun qed thedded, taġixxi b’mod abbużiv jew vjolenti, waqt li jkun qed isir il-ħatt jew it-tagħbija ta’ flus. F’dawn il-każijiet ukoll, l-użu tal-forza trid tkun minima, u l-Korp tal-Pulizija jiġi infurmat mill-ewwel f’kull każ.

Fl-aħħar nett, l-Abbozz ta’ Liġi qiegħed jintroduċi żewġ reati kriminali ġodda li, l-ewwel: jippenalizzaw gwardjan b’delitt separat jekk dan jeċċedi l-forza li tagħtih il-liġi; u t-tieni: jaggravaw ir-reat ta’ min isawwat gwardjan waqt il-qadi ta’ dmirijiethu.

Dan l-Abbozz ta’ Liġi qiegħed għalhekk jindirizza għall-ewwel darba setturi li għalkemm huma diġa pprattikati, sal-lum kienu għadhom mhux regolati. Dan ifisser li ċ-ċirkostanzi tal-inċidenti li nqalgħu tul l-aħħar snin minħabba dan il-vojt legali, issa ser ikunu kkontrollati u regolati.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow