l-Ministru Tonio Fenech jaghti dettalji tal-ħsarat li ġew kaġunati llum wara nofsinhar, u li wasslu ghal qtigh tal-provvista tal-elettriku.
Il-Ministru Tonio Fenech illejla indirizza konferenza tal-aħbarijiet illum fis-6:30 ta’ filgħaxija fl-Uffiċċju Ċentrali tal-Enemalta fejn ta dettalji tal-ħsarat li ġew kaġunati llum wara nofsinhar. Waqt din il-konferenza, il-Ministru qal li llum fl-4.08 ta’ wara nofsinhar żviluppat ħsara f’boiler numru 7 ġewwa l-power station tal-Marsa. Konsegwenza ta’ din il-ħsara, il-power station ta’ Delimara ġarbet ħsara wkoll bil-konsegwenza li nqatgħet il-provvista tal-elettriku madwar Malta u Għawdex kollha.
Il-ħsara li ġġenerat illum mhijiex tal-istess natura li kienet iġġenerata fis-16 ta’ Ġunju u 18 ta’ Novembru tas-sena li għaddiet. Waqt il-ħin tal-ħsara, kienu qed jiġu ġenerati 184MW mill-powerstation ta’ Delimara u 67MW minn dik tal-Marsa. Jidher li kien hemm xi ħsara li affettwat boiler numru 7, u li b’konsegwenza trippjaw turbines numri 6 u 7. Konsegwentement, il-power station tal-Marsa tripjat, u peress li din l-istess power station kienet qed iġorr 25% mil-load, l-instabilita kkawżata minn dan it-tripping tant kienet kbira li tripjat ukoll il-power station ta’ Delimara qabel ma’ kellu ċans joperaw il-load shedding relays. Din hija s-sistema intenzjonata biex ma tippermettix avveniment fil-Marsa li jkun affettwat ġewwa Delimara power station. Il-load shedding relays ma ħadmux għaliex il-ħsara ġrat b’tant mod immedjat li ma kienx hemm ċans li dawn joperaw. It-tripping fil-power station hija s-sistema tal-protezzjoni tal-boiler li jopera biex isalva l-makkinarju.
Biex terġa’ tibda tingħata lura l-provvista tad-dawl, l-Enemalta xegħlet it-turbini 9 tal-Marsa u tliet turbini ta’ Delimara. Dan ifisser li temporanjament sakemm ġewwa l-Marsa jerġa’ jiġi kollox għan-normal, il-provvista tad-dawl għall-pajjiż se jiġi provdut fil-maġġor parti minn Delimara. Din is-sitwazzjoni mhux mistennija li ddum għal perjodu twil ta’ żmien. Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li l-fault huwa ta’ natura teknika.
Il-ħaddiema tal-Enemalta qed jaħdmu fuq dawn il-ħsarat, u qed jerġgħu jinxtelu partijiet mill-power station tal-Marsa, kif ukoll dik ta’ Delimara. Għalissa, qed jittieħed load tad-distribuzzjoni fil-power station ta’ Delimara. Fil-fatt, bdiet tingħata lura l-provvista tad-dawl f’ċerti postijiet mill-4:40 ta’ filgħaxija. Sal-ħin ta’ din l-istqarrija, il-provvista reġgħet lura għan-normal fl-isptar Mater Dei, fil-Freeport, u fil-lokalitajiet ta’ l-Imsida, tas-Sliema, Ħal Tarxien, iż-Żurrieq, iż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Ħal Luqa, Ħaż-Żabbar, Ħal Far, il-Kottonera, Fgura, Wied il-Għajn, Qrendi, Mqabba, u Raħal Ġdid.
Il-Korporazzjoni Enemalta, filwaqt li tiskuża ruħa għal kull inkonvenjent li jista’ jkun li nqala’, tavża li qed taħdem sabiex jerġa’ jingħata s-servizz fil-lokalitajiet kollha mill-aktar fis. Il-Ministru rringrazzja lill-inġiniera u lill-ħaddiema tax-xogħol siewi li qegħdin jagħmlu sabiex jirritornaw lura l-provvista tal-elettriku mingħajr dewmien.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990