Diskors mill-Onor. Dolores Cristina, Ministru tal-Edukazzjoni, Xoghol u l-Familja, waqt is-Simpożju Annwali tal-Farmaċija - Universita’ l-Qadima, Valletta - 22 ta’ Marzu 2010
Hu pjaċir tiegħi li bħala Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja ningħaqad magħkom biex ninawgura uffiċjalment dan is-Simpożju li matulu id-Dipartiment tal-Farmaċija tal-Universita’ ta’ Malta jagħti opportunita’ lill-istudenti tiegħu biex jesibixxi l-proġetti u r-riżultati tal-istudji tagħhom, li ħafna fihom jinkludu aspetti ta’ riċerka u żvilupp.
Il-preżenża tagħkom l-istudenti ta’ din il-Fakulta, spiżjara gradwati u parteċipanti oħra, hi xhieda tal-ħidma siewja tad-dipartiment fl-organizazzjoni ta’ dan l-avveniment importanti. Hu ta’ sodisfazzjon li naraw studenti ġejjin minn diversi pajjiżi, jingħaqdu ma’ studenti Maltin għal din l-esperjenza pożittiva. Infurmata wkoll li fostkom l-istudenti hawn uħud li ġew fostna bħala parti mill-programm Erasmus tal-Unjoni Ewropea.
Din l-attendenza hekk imħallta turi l-kwalita’ u l-livell tal-programmi li qed toffri l-Universita’ tagħna, waħda mill-eqdem universitajiet fl-Ewropa kif jixhed dan il-bini li qed ninġabru fih il-lum. Ilħaqna livell għoli fil-kwalita’ tat-tagħlim li noffru, u aħna impenjati li dan il-livell inkomplu nsaħħuħ u ngħolluh, biex nilħqu l-mira li poġġejna għalina nfusna bħala pajjiż, li sal-2015 inkunu Ċentru ta’ Eċċellenza fil-qasam tal-Edukazzjoni.
Naf li fil-bidu tas-sena akkademika li jmiss, 24 student mid-Dipartiment tal-Farmaċija tal-Universita’ tagħna se jsiefru biex jagħmlu semestru ta’ studju f’universitajiet prestiġjużi fl-Ingilterra, l-Italja, Franza, Spanja, il-Belġju u l-Ġermanja bħala parti mill-Programm Erasmus. Din il-parteċipazzjoni għandha tkun inkoraġġita għax tagħti ċans lill-istudenti tagħna biex jagħmlu esperjenza pożittiva għax ikunu esposti għal realtajiet differenti minn tagħna u jkollhom ċans jiskambjaw ideat u prattiċi ma’ professjonisti u studenti li ġejjin minn ambjenti varji u differenti.
Hu ta’ sodisfazzjon ukoll li wieħed jinnota li l-gradwati prospettivi tagħna li matul din il-ġimgħa se jkunu qed jesibixxu u jispjegaw il-proġetti tagħhom, huma assigurati li jsibu posthom fil-qasam versatili tal-farmaċija li jinkludu servizzi kliniċi, l-industrja, fl-informazzjoni u anke fl-amministrazzjoni. Dawn għandhom impjieg garantit, b’kundizzjonijiet mill-aħjar. Dan għandu jservi wkoll bħala katalist għal studenti oħra biex jidħlu f’dan il-qasam li joffri bażi fix-xjenzi flimkien ma’ aspetti ta’ kura.
Hu fatt pruvat anke mill-istatistika, li l-gradwati kollha fil-Farmaċija, mill-ewwel isibu impjieg interessanti li joffrilhom sfidi ġodda u dan minkejja l-fatt li l-Ispiżjara tagħna, komparati ma’ dawk f’pajjiżi oħra akbar minnha, hu ferm akbar. Din hi prova oħra tal-livell tal-korsijiet tagħna.
Nixtieq ngħaddi kelma ta’ inkoraġġiment lil dawk li jixtiequ jkomplu bl-istudji tagħhom.
Il-lum ma għadniex inqisu li l-ewwel gradwazzjoni hi t-tmiem tal-istudju. It-Tagħlim Tul il-Ħajja hu oġġettiv li l-Ewropa kollha – inkluż Malta – irridu nilħqu. Fil-każ tal-Framaċija wkoll hu essenzjali li wieħed jibqa’ jistudja biex iżomm ruħu aġġornat mal-iżviluppi kontinwi f’dan is-settur. Il-fatt li l-Universita’ tagħna żviluppat ukoll toroq ta’ speċjaliżazżjoni f’dan il-qasam għandu jgħin biex jintlaħaq dan l-iskop.
F’dawn l-aħħar snin il-Gvern nieda żewġ skemi ta’ Boroż ta’ Studju – l-MGSS (Malta Government Scholarship Scheme) u li STEPS li joffru għajnuna finanzjarja biex studenti gradwati jkunu jistgħu jkomplu jistudjaw għal Masters jew Dottorat fil-qasam ta’ speċjaliżazzjoni tagħhom. Għalhekk inħoss li għandi ninkoraġġikom biex taħtfu dawn l-opportunitajiet kif għamlu aktar minn 500 student u studenta li f’dawn l-aħħar snin rebħu scholarships biex ikomplu jistudjaw.
Il-kollaborazzjoni li l-Universita’ tagħna rnexxielha tistabilxxi u tiżviluppa ma’ universitajiet oħra barranin biex jinħolqu programmi post-graduate, hu sforz ta’ min ifaħħru u joffri opportunitajiet aktar vasti biex wieħed ikompli jistudja.
Nawguralkom li matul din il-ġimgħa jkollkom suċċess fil-ħidma tagħkom fejn se tkomplu tiddiskutu l-proġetti li wettaqtu matul is-sena. Jien persważa li fost dawn il-proġetti hemm uħud li għandhom valur intrinsiku kbir fil-qasam farmaċewtiku u li potenzjalment jistgħu jkunu sfruttati anke b’riżultati ekonomiċi pożittivi.
Dan hu l-futur tagħna. Li nkomplu mexjin ‘l quddiem u naħtfu kull opportunita li tippreżenta ruħha quddiemna u hekk nisfruttaw l-uniku rożorsa li għandu pajjiżna – l-imħuħ tan-nies tagħna.
Ma nixtieqx nieħu aktar mill-ħin prezzjuż tagħkom għax naf li din hi ġimgħa importanti ħafna għalikom u li ilkom tippreparaw għaliha. Iżda qabel nagħlaq nixtieq nifraħ liż-żewġ persuni li din is-sena rebħu il-Premju ta’ Rikonoxximent fil-Farmaċija.
Dawn huma Ramon Xuereb li jitqies bħala pijunier fl-industrja farmaċewtiku f’pajjiżna u Anna Dingli Miggiani għall-kontribut importanti tagħha fil-qasam tal-Informazzjoni Farmaċewtika. It-tnejn għadhom attivi ħafna u nittama li jservu ta’ mudell għal ħafna studenti oħra.
Nawguralkom ħidma siewja u nawguralkom.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990