STQARRIJA TAL-MINISTERU TAS-SAHHA - Jiżdiedu s-servizzi tas-saħħa - Il-Kap tal-Oppożizzjoni jitkellem dwar is-saħħa u jgħid affarijiet li m’humiex minnhom
Jiżdiedu s-servizzi tas-saħħa - Il-Kap tal-Oppożizzjoni jitkellem dwar is-saħħa u jgħid affarijiet li m’humiex minnhom
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat ikkwota ħażin lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita’ Joseph Cassar u, b’konsegwenza, ta raġunijiet żbaljati meta tkellem dwar l-operazzjonijiet li qed isiru u l-waiting lists għall-operazzjonijiet.
Is-sena li għaddiet saru 39,000 operazzjoni fl-isptar Mater Dei. Dan ifisser li l-operazzjonijiet żdiedu b’6,000 fuq dawk li saru fl-aħħar sena tal-isptar San Luqa. Fl-Isptar Mater Dei qed isiru aktar operazzjonijiet, inkluż is-Sibtijiet u l-Ħdud. Il-Gvern għal din is-sena żdied il-fondi allokati għall-operazzjonijiet b’€4 miljun oħra biex ikomplu jitnaqqsu aktar il-waiting lists. Biex jinqatgħu aktar il-listi ta’ stennija, qed jintużaw aktar teatri tal-operazzjonijiet. Fejn kien meħtieġ inżammu wkoll konsulenti li laħqu l-eta’ tal-irtirar biex ikomplu jagħtu s-servizz tagħhom fl-isptar.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat kien żbaljat u rraporta ħażin dak li qal il-Ministru tas-Saħħa dwar l-operazzjonijiet tal-ortopedija. Mhux veru dak li qal Joseph Muscat li l-waiting lists tal-ortopedija tnaqqsu b’49% għaliex dawk “li kienu qed jistennew li jagħmlu operazzjoni laħqu għamluha privat”. Il-Ministru tas-Saħħa qatt ma qal dan id-diskors. Il-konklużjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni hi żbaljata għaliex flok Joseph Muscat ifittex il-fatti, ifittex li jeżaġera.
Il-Ministru tas-Saħħa din il-ġimgħa spjega li filwaqt li qed isiru aktar operazzjonijiet, fl-isptar Mater Dei inbeda proċess ta’ analiżi ta’ dawk il-persuni li isimhom qiegħed fuq waiting list. Mill-analiżi li qed issir qed jirriżulta li jkun hemm pazjenti li jkunu qed jistennew li jagħmlu l-istess operazzjoni taħt aktar minn konsulent wieħed. Dan jissarraf f’ammont ta’ nies li isimhom jidher aktar minn darba għall-istess operazzjoni. B’hekk billi kien ikun hemm dawn l-ismijiet taħt aktar minn konsulent wieħed, anki meta operazzjoni tkun saret, l-isem tal-persuna ma kienx jinqata’ minn taħt il-konsulenti kollha. Fil-listi instab ukoll li kien hemm persuni mejta li kienu diġa għamlu l-operazzjoni, għand konsulenti oħra. L-analiżi qed issir biex il-waiting lists jirriflettu r-realta’.Għalhekk dak li rraporta l-Kap tal-Oppożizzjoni hu żbaljat.
Is-servizzi tas-saħħa qed jiżdiedu. Qed jingħataw aktar mediċini b’xejn. Qed isiru aktar eżamijiet mediċi. Fid-Dipartiment tal-Patoloġija biss saru 4,858,998 test; li jfisser aktar minn 13,300 test kuljum. Il-mediċini li ngħataw fl-2009 laħħqu t-€22 miljun li jfisser żieda ta’ 6.4%. Din iż-żieda hi riżultat ta’ aktar mediċini fosthom Herceptin u mediċini oħra għal kura tal-kanċer; u aktar nies jibbenefikaw minn mediċini b’xejn.
Dwar il-kura tal-kanċer, se jinbena ċentru ġdid tal-onkoloġija li se jkun fih aktar sodod milli hemm bħalissa fl-Isptar Paul Boffa. Inxtara linear accelerator ġdid. Is-sena li għaddiet il-Gvern fetaħ Ċentru għall-iscreening tal-kanċer tas-sider b’investiment ta’ €1,600,000. L-investiment biex isiru t-testijiet b’xejn fuq in-nisa hu ta’ nofs miljun ewro fis-sena. L-impenn tal-Gvern hu li jkompli joffri l-aħjar servizzi tas-saħħa b’xejn.
Il-Ministeru tas-Saħħa jappella lil Joseph Muscat biex ma jagħmilx mis-saħħa ballun politiku. Jappella wkoll lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex ma jgħidx affarijiet żbaljati li la jkunu ntqalu u lanqas ikunu veri.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990