INAWGURATA LIBRERIJA PUBBLIKA GDIDA F’BORMLA
Il-Kunsill Lokali ta’ Bormla inawgura librerija pubblika ġdida, li ħadet post il-librerija li għal snin twal kienet titmexxa mill-iskola primarja tal-Gvern f’Bormla. Il-librerija l-ġdida ser tkun amministrata mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla u d-Dipartiment tal-Libreriji u l-Arkivji.
Waqt l-inawgurazzjoni tal-librerija, is-Segretarju Parlamentari responsabbli għall-Kunsilli Lokali, L-Onor. Chris Said qal li dan il-proġett, iffinanzjat kollu mill-fondi tal-Kunsill Lokali, juri l-importanza li qed jagħti l-Kunsill lill-edukazzjoni. Chris Said tkellem dwar l-istorja riċenti tad-devoluzzjoni tal-libreriji lill-Kunsilli Lokali u qal li minn Jannar 1999, meta ġiet delegata l-ewwel librerija lokali, sal-lum ġew devoluti jew twaqqfu mill-Kunsilli Lokali 53 librerija lokali. Minn dawn, qal Chris Said, hemm seba’ libreriji reġjonali f’Ħal-Luqa, il-Mosta, il-Birgu, Birkirkara, Ħal Qormi, ir-Rabat (Malta) u Paola.
Dr Said faħħar l-inizjattiva li ħadu xi Kunsilli Lokali sabiex iwaqqfu librerija lokali fil-lokalità tagħhom u semma s-suċċess ta’ dawn il-libreriji lokali. Fl-aħħar sena biss, mil-libreriji reġjonali ssellfu 170,672 ktieb, waqt li mil-libreriji lokali ssellfu 267,671 ktieb. B’kollox, mil-libreriji mmexxija mill-Kunsilli Lokali, fl-aħħar sena ġew mislufa 438,343 ktieb.
Is-Segretarju Parlamentari żied li f’dawn l-aħħar sentejn l-allokazzjoni ta’ fondi għal għajnuna lil-libreriji mhux biss irduppjat iżda l-Kunsilli Lokali li għandhom librerija lokali ngħataw ukoll vouchers sabiex jinxtraw kotba mingħand pubblikaturi Maltin. B’hekk ikunu qed jibbenefikaw ukoll il-pubblikaturi ta’ pajjiżna, li min-naħa tagħhom kontinwament iħajru kittieba ġodda. Matul dawn l-aħħar ħames snin il-Kunsilli li għandhom librerija lokali ngħataw b’madwar €170,000 f’fondi diretti għall-immaniġġar tal-istess libreriji. Minbarra dan, il-Kunsilli investew b’madwar €188,208, u dan b’żieda mal-€51,020 li nghataw permezz ta’ fondi diretti.
Chris Said qal li biex jiġi assigurat l-aqwa servizz minn dawn il-libreriji lokali u reġjonali, il-Gvern ser jagħmel studju biex jidentifika x’oqsma għad iridu jiġu indirizzati, fosthom l-aċċessibiltà, il-ħinijiet tal-ftuħ, l-għażla ta’ kotba, kif jista’ jitjieb il-livell ta’ self u x’miżuri jistgħu jiġu adottati biex jikber l-interess għall-qari. Ma’ dan, tenna Chris Said, jeħtieġ jingħata iżjed taħriġ lil-librara u jiġu adottati metodi ġodda sabiex jitħaffu l-proċessi wżati, biex tikber l-aċċessibbiltà u biex min iżur il-librerija jinqeda aħjar.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990