SE TINTEMM IL-ĦTIEĠA LI WIEĦED JIPPRODUĊI ĊERTIFIKATI TA’ STATUS ĊIVILI
B’seħħ mis-16 t’April 2010, ħadd iżjed mhu se jintalab jgħaddi lil xi dipartiment jew entità oħra tal-Gvern ċertifikat tat-twelid, taż-żwieġ jew tal-mewt, meta jkun qed japplika għal xi servizz. Minflok, id-dipartiment konċernat se jkun qed jakkwista dan iċ-ċertifikat hu stess, bl-ebda spejjeż għall-applikant.
L-inizjattiva tħabbret mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Konsumaturi, l-Onor. Chris Said waqt l-attivitajiet li mmarkaw il-Jum Dinji tal-Konsumatur matul din il-ġimgħa.
L-għan ta’ din l-inizjattiva, spjega Chris Said, huwa li titnaqqas il-burokrazija, tikber il-kollaborazzjoni bejn id-dipartimenti tal-Gvern, isir użu aħjar tas-sistemi tal-informatika u, l-iżjed importanti, tikber l-effiċjenza u jitjieb is-servizz mogħti mid-dipartimenti tal-Gvern.
Is-Segretarju Parlamentari żied li din l-inizjattiva tapplika għall-ministeri, dipartimenti, aġenziji u entitajiet oħra tal-Gvern. Jistgħu jibbenefikaw minnha wkoll il-ħaddiema tal-istess entitajiet. B’hekk per eżempju, persuna f’xi waħda mill-istrutturi tal-Gvern li qabel biex tapplika għal maternity leaveriedet tippreżenta ċertifikat tat-twelid, issa m’għandha bżonn tippreżenta xejn għaliex se jkun id-dipartiment stess li jakkwista dan iċ-ċertifikat għaliha. Dr Said spjega kif dawk li se jkollhom aċċess għal dawn id-dokumenti se jkunu marbutin b’kodiċi strett ta’ kunfidenzjalità, f’konformità mal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data.
L-ispejjeż kollha ta’ din l-inizjattiva ser jiġu assorbiti mill-organizzazzjonijiet tal-Gvern u mhux iżjed mill-persuna li tkun qed tintalab iċ-ċertifikat. Il-Management Efficiency Unit, fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, ser ikun qed isegwi mill-qrib din l-inizjattiva sabiex tara li tkun qed tiġi applikata b’mod effiċjenti f’kull dipartiment. Is-Segretarju Parlamentari Chris Said fakkar fl-impenn tal-Gvern li joffri iżjed servizzi, b’iżjed effiċjenza u f’ħin qasir, lil kull min ikun jeħtieġhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990