Left arrow Mur Lura

LAQGĦA TAD-DEPUTAT SPEAKER MAL-MINISTRU TAL-AFFARIJIET BARRANIN TAL-ESTONJA

PR0470
Date Icon 16/03/2010

Illum wara nofsinhar, bħala parti minn żjara uffiċjali li qed jagħmel f’Malta l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Estonja, l-Eċċellenza Tiegħu Urmas Paet mexxa delegazzjoni għal-laqgħa mad-Deputat Speaker l-Onorevoli Carmelo Abela, fl-Uffiċċju tal-iSpeaker fil-Palazz, il-Belt Valletta.

Filwaqt li radd ħajr lill-Onorevoli Abela għal-laqgħa li tah, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Estonja semma’ kif l-Estonja qiegħda tlesti ruħha ħalli fl-ewwel ta’ Jannar tas-sena d-dieħla tidħol hija wkoll fiż-żona Ewro. L-Estonja fil-fatt qed tħares kemm lejn Malta kif ukoll lejn is-Slovakkja għall-għajnuna f’dan ir-rigward għaliex it-transizzjoni għall-munita Ewropea f’dawn il-pajjiżi kienet waħda li mxiet ħarir ħafna. Id-Deputat Speaker spjega kif dan kien dovut prinċipalment għal kampanja intensiva ta’ informazzjoni pubblika minn Kumitat li twaqqaf apposta mill-Gvern Malti. Bil-koperazzjoni anki tas-settur kummerċjali li ntrabat li ma jgħollix il-prezzijiet għal żmien definit, kien possibbli li s-sistema l-ġdida tindara malajr. Malta lesta li taqsam l- esperjenza pożittiva tagħha f’dan il-qasam ma’ pajjiżi li għad iridu jidħlu fiż-żona Ewro bħall-Estonja, tenna l-Onorevoli Abela. Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Estonja wera t-tama li issa li pajjiżu laħaq il-kriterji stabbiliti biex jissieħeb fl-Ewro, ma jkunx hemm diffikultajiet biex dan isir kif previst. Huwa fakkar li r-Rapporteur ta’ pajjiżu lill-Parlament Ewropew dwar id-dħul fl-Ewro huwa l-Membru Parlamentari Ewropew Malti, il-Prof. Edward Scicluna.

L-adozzjoni tal-Ewro għandu jgħin ukoll l-iżvilupp tal-qasam tat-Teknoloġija tal-Informatika li huwa ħafna għal qalb il-poplu tal-Estonja, kompla l-Ministru Paet. Il-pajjiż Baltiku jinsab minn ta’ quddiem nett f’dan ir-rigward, u joffri servizzi elettroniċi liċ-ċittadin f’bosta livelli.

Kemm il-Ministru tal-Estonja kif ukoll id-Deputat Speaker qablu li aktar attivitajiet u koperazzjoni bejn il-Parlamenti taż-żewġ pajjiżi huma utli sabiex isaħħu r-relazzjonijiet mill-qrib li diġà jeżistu bejn Malta u l-Estonja. Għal dan il-għan, jistgħu jitkattru l-kuntatti ħalli jkun hemm affjatament sħiħ bejn id-Deputati taż-żewġ Parlamenti. F’dan il-kuntest, l-Onorevoli Abela semma’ l-problema tal-immigrazzjoni illegali f’Malta, u l-ħtieġa li jkun hemm aktar koperazzjoni fuq livell ta’ Unjoni Ewropea. Il-Ministru Paet stqarr li jifhem il-problema ta’ Malta anki minħabba l-esperjenza f’dan ir-rigward ġewwa pajjiżu. Kien f’dan l-ispirtu li l-Estonja kienet waħda mill-ewwel pajjiżi Ewropej li kienet stqarret pubblikament minn kmieni li kienet qiegħda tappoġġja l-kandidatura ta’ Malta li tospita l-Uffiċċju Ewropew għall-Appoġġ dwar l-Ażil.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow