Left arrow Mur Lura

L-GĦAQDIET EWROPEJ DWAR IL-BIEDJA ORGANIKA JILTAQGĦU GĦAWDEX

PR0463
Date Icon 15/03/2010

Fid-dawl tal-viżjoni tal-gvern li jagħmel minn Għawdex gżira ekoloġika, il-Ministeru għal Għawdex b’kollaborazzjoni mal-Moviment Malti għall-Agrikoltura Organika (MOAM) din il-ġimgħa se jorganizza konferenza internazzjonali dwar l-agrikoltura organika u eko-Għawdex. Din il-konferenza se tittella’ hekk kif matul l-istess ġimgħa f’Għawdex se jkun qed jiltaqa’ l-grupp Ewropew tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Movimenti dwar l-Agrikoltura Organika (IFOAM-EU), li jiltaqa’ darba kull sitt xhur f’pajjiż Ewropew differenti.

Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-Ministeru għal Għawdex u li għaliha kien hemm preżenti l-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono u s-Sur John Portelli, PRO u uffiċjal tal-Marketing tal-MOAM.

Il-konferenza Organic Agriculture and eco-Gozo – A world of challenges, opportunities and innovation se tkun indirizzata fost l-oħrajn minn kelliema minn Malta, l-Islanda, l-Ingilterra, Spanja, Ġermanja, l-Ungerija u s-Slovenja, u hija partikolarment immirata għal persuni li ġejjin minn setturi differenti fosthom, l-agrikoltura, l-ambjent, it-turiżmu, u l-pubbliku in ġenerali.

Din il-konferenza se tkun ikkumplimentata b’wirja kollettiva ta’ arti bit-tema Perspective of an Ecological Island imtella’ minn erba’ artisti magħrufa Maltin u Għawdxin. Din il-wirja se titratta l-ġmiel naturali ta’ Għawdex.

Il-Ministru Giovanna Debono saħqet dwar is-sinifikat li għandu l-qasam agrikolu bħala settur ekonomiku u ambjentali importanti għal gżira ta’ Għawdex. Żiedet tgħid kif dan is-settur jikkontribwixxi wkoll fil-preservazzjoni tal-ambjent rurali karatteristiku ta’ Għawdex. Hu għalhekk li l-agrikoltura qed tingħata importanza kbira fil-pjan ta’ azzjoni fir-rigward tal-viżjoni Eko-Għawdex. ‘Huwa tajjeb li din il-konferenza qed tinżamm hekk kif il-Ministeru għal Għawdex beda jwettaq uħud mill-miżuri proposti f’dan il-pjan’, qalet il-Ministru. Hija kompliet tispjega kif din il-konferenza, li hija l-ewwel waħda tat-tip li se ssir Għawdex, se sservi wkoll bħala riklam għal Għawdex mal-parteċipanti li ġejjin minn pajjiżi Ewropej, filwaqt li għandha tkun ta’ relevanza siewja kemm għal bdiewa Għawdxin kif ukoll ma’ oħrajn li jiġu f’kuntatt mal-agrikoltura fil-gżira ta’ Għawdex.

L-IFOAM-EU tirrapreżenta aktar minn 300 organizzazzjoni membri ta’ l-IFOAM fis-27 membru tal-UE u f’pajjiżi oħra Ewropej. Hija topera minn uffiċċju fi Brussell u l-membri tagħha jinkludu għaqdiet tal-konsumatur, assoċjazzjonijiet tal-proċessuri u bdiewa, organizzazzjonijiet ta’ riċerka, edukazzjoni u pariri, kumpaniji organiċi kummerċjali u għaqdiet ta’ ċertifikazzjoni.

Aktar informazzjoni dwar din il-konferenza tista’ tinkiseb minn fuq in-numru 99423711 jew www.eco-gozo.gov.mt

Huwa rakkomandat li għalkemm il-parteċipazzjoni għall-konferenza hija bla ħlas wieħed għandu jirriserva post fuq: booking@moam.org.mt, jew fuq www.moam.org.mt

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow