IL-JUM DINJI TAL-KONSUMATUR IĊĊELEBRAT F’MALTA
Waqt attivita’ li tfakkar il-Jum Dinji tal-Konsumatur li kien iċċelebrat fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta, is-Segretarju Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, Chris Said qal li l-konsumatur huwa element importanti ħafna fis-suq u għalhekk dan għandu jiġi mħarreġ u mgħarraf dwar l-interessi ekonomiċi tiegħu speċjalment fi tranżazzjonijiet kumplessi, bħalma jistgħu ikunu dawk relatati mas-servizzi finanzjarji.
Chris Said qal li f’pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw il-problemi li jiffaċċjaw il-konsumaturi meta jiġu biex jixtru servizzi finanzjarji jistgħu ikunu nuqqas ta’ aċċess għal servizzi bażiċi filwaqt li f’pajjiżi żviluppati l-problemi jkunu marbuta ma’ numru kbir ta’ prodotti u għażliet differenti.
Fost il-problemi komuni li jiltaqgħu magħhom konsumaturi minn pajjiżi differenti hemm is-self irresponsabbli, kuntratti inġusti, prezzijiet eċċessivi u pariri mhux imparzjali.
Quddiem dawn il-problemi huwa importanti ħafna li l-konsumaturi jkunu mħarrġa u assistiti minn persuni kompetenti.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said ħabbar ukoll li b’effett mis-16 t’ April li ġej il-ministeri, dipartimenti, aġenziji u entitajiet oħra tal-Gvern mhux se jitolbu lill-klijenti biex jipproduċu ċertifikati tat-twelid, taż-żwieġ jew tal-mewt meta japplikaw għal xi servizz. Il-proċedura ta’ ġbir ta’ informazzjoni issa se ssir ir-responsabbilta’ diretta tal-organizzazzjonijiet governattivi konċernati.
Barra minn hekk organizazzjonijet governattivi se jibdew isegwu standards ogħla u konsolidati fl-oqsma tal-korrispondenza mal-pubbliku, komunikazzjoni bit-telefon, appuntamenti u kjus, proviżjoni ta’ informazzjoni u immaniġġjar ta’ ilmenti u sistemi ta’ kif jingħata servizz.
Chris Said qal li d-direttiva dwar iċ-ċertifikati ċivili hija intenzjonata sabiex jittieħed il-valur sħiħ ta’ investimenti li saru fis-sistemi tal-ICT. Min-naħa l-oħra id-direttiva dwar standards ogħla se taċċerta li l-uffiċjali pubbliċi joffru servizz b’mod ġust, raġjonevoli, b’mod ekwu ma’ kulħadd u b’mod effiċjenti. Din id-direttiva se tissupersiedi ordnijiet oħra dwar standards ta’ servizz u testendi l-applikabilita’ tal-istandards għal aġenizji u entitajiet.
Is-Segretarju Parlamentarti rrefera għall-messaġġ marbut mal-attivita’ “Il-Flus taghna; id-Drittijiet tagħna” u qal li servizz tajjeb u effiċjenti mill-organizazzjonijiet governattivi ukoll huwa dritt tagħna.
Fl-attivita’ ħadu sehem l-Awtorita’ Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-Awtorita’ Maltija tal-Istandards, id-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa, l-Awtorita’ Maltija għall-Komunikazzjoni, iċ-Ċentru Ewropew għall-Konsumatur, il-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur, l-Assoċjazzjoni tal-Konsumaturi u l-Home Economics Seminar Centre fi ħdan id-Direttorat għall-Kwalita’ tal-Istandards fl-Edukazzjoni.
Wara li żar l-istands tad-diversi entitajiet parteċipanti, is-Segretarju Parlamentari Chris Said qassam premijiet lil studenti li rebħu kompetizzjoni marbuta mat-tema tal-konsumatur fir-rivista ‘Sagħtar’.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990