Left arrow Mur Lura

INAWGURATI L-OQBRA PREISTORIĊI F’TA’ KERĊEM

PR0459
Date Icon 15/03/2010

Is-sit fejn dan l-aħħar instabu fdalijiet ta’ oqbra preistoriċi nfetaħ għall-wiri mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex. Iċ-ċerimonja tal-ftuħ kienet parti minn serata li inawgurat l-edizzjoni tas-Sagra ta’ San Girgor ta’ din is-sena.

Din is-serata kienet tinkludi kunċert ta’ kant gregorjan, flimkien ma’ preżentazzjoni informattiva dwar is-sejba ta’ dan is-sit u dwar l-importanza storika relatata miegħu. Għal din l-okkażjoni ntwerew għall-ewwel darba b’mod pubbliku l-oġġetti, l-għodod u l-fdalijiet umani li nstabu f’żewġ oqbra preistoriċi.

Waqt diskors ta’ l-okkażjoni, il-Ministru Giovanna Debono qalet li din is-sejba tkompli żżid il-valur tal-wirt preistoriku tal-gżira ta’ Għawdex u se tingħaqad ma’ dawk misjuba aktar qabel fosthom il-Ġgantija u ċ-ċirku ta’ Brockdorff. Hija rreferiet ukoll għal mod ta’ kif entitajiet differenti jistgħu jikkollaboraw flimkien b’risq il-protezzjoni tal-wirt storiku.

Il-Ministeru għal Għawdex jikkoordina ħidma flimkien ma’ entitajiet bħal m’huma s-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, Heritage Malta, Wirt Għawdex, u entitajiet oħra biex jiġu kkonservati jew restawrati siti ta’ wirt storiku importanti.

Dawn l-oqbra ta’ importanza nazzjonali nstabu fl-2008, waqt żvilupp għall-estensjoni tad-dar parrokkjali f’Ta’ Kerċem. Matul is-sena li għaddiet, l-oqbra ġew skavati xjentifikament mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali taħt id-direzzjoni tas-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali, is-Sur Anthony Pace. Is-sit funerarju f’ta’ Kerċem jikkonsisti f’żewġ oqbra tondi, u kamra żgħira f’wieħed minnhom. Id-dfin kien isir f’dawn l-oqbra.

Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ‘il quddiem mistennija tagħmel studji xjentifiċi dwar din is-sejba, li jinkludu studju tar-Radju Karbonju biex ikun stabbilit eżatt l-età tas-sejba, studji ta’ DNA, studji tal-litiċi, kif ukoll studju tal-fuħħar. Ser isir ukoll studju ta’ l-għadam li nstab biex tkun stabbilita l-età individwali ta’ kull skeletru, kif ukoll xi indikazzjonijiet patoloġiċi li forsi jista’ jkollhom.

Qed jiġu kkoordinati wkoll pjanijiet biex ‘il quddiem isir mużew permanenti fejn instabu l-oqbra, sabiex din l-attrazzjoni, li hija sejba rari ħafna, tkun tista’ titgawda mill-pubbliku.

Sadanittant matul tmiem il-ġimgħa komplew l-attivitajiet tas-Sagra ta’ San Girgor. Dawn kienu jinkludu attivitajiet kulturali u divertenti li komplew jesponu karatteristiċi tradizzjonali u naturali fir-raħal ta’ Kerċem.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow