Left arrow Go Back

IMNEDIJA L-POLITIKA NAZZJONALI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ (2010 -2013): POLITIKA MFASSLA MIŻ-ŻGĦAŻAGĦ GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

PR0445
Date Icon 13/03/2010

“Il-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ  kif tfasslet miż-żgħażagħ infushom tipproponi viżjoni u qafas ħolistiku li jgħin liż-żgħażagħ jilħqu il-milja tagħhom. Din il-Politika tiddetermina direzzjoni u tidentifika prioritajiet fis-settur taż-żgħażagħ biex jiġu mwettqa mill-Gvern u minn dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ. Dan kollu hu stqarrija ta’ fiduċja fiż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin li kapaċi jilħqu l-milja tagħhom billi jkunu ċittadinani attivi. Il-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ hi politika li ma tiffokax fuq il-problemi taż-żgħażagħ iżda hi waħdha li tifhem li ż-żgħażagħ huma importanti għall-iżvilupp tas-soċjetà.”

Dan qalu is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport, Clyde Puli waqt li nieda l-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ (2010 -2013). Is-Segretarju Parlamentari qal li permezz ta’ din il-politika ż-żgħażagħ ma jkunux sempliċiment jirrappreżentaw il-futur iżda jkunu qed jikkontribwixxu għall-formazzjoni ta’ dak il-futur mixtieq permezz tal-attività attwali tagħhom.

Din il-politika ġiet mibnija fuq rapport imħejji mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ kif ukoll ingħatat konsiderazzjoni lid-Dikjarazzjonijiet tal-Ġnus Magħquda fosthom, id-Dikjarazzjoni Universali għad-Drittijiet tal-Bniedem. Ġew analizzati wkoll dokumenti Ewropej fosthom l-Istrateġija tal-Kumissjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ.

Clyde Puli fisser li l-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ (2010-2013) hija fiha nfisha eżerċizzju ta’ djalogu kostruttiv bejn iż-żgħażagħ, esperti fil-qasam taż-żgħażagħ u dawk li jfasslu l-politika.

Fl-2008, is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ u l-Isport waqqaf grupp ta’ ħidma magħmul minn żgħażagħ u esperti mid-Dipartiment tal-Istudji dwar iż-Żgħażagħ u l-Komunità tal-Università ta’ Malta biex jirrevedi l-politika. Qabel il-preżentazzjoni ta’ abbozz ta’ dokument lill-Gvern, il-grupp ta’ ħidma involva ruħu f’konsultazzjoni estensiva ma’ żgħażagħ u ma’ organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. Fost il-laqgħat ta’ konsultazzjoni kien hemm kwestjonarji f’postijiet frekwentati miż-żgħażagħ kif ukoll fuq l-internet permezz tas-sit elettroniku facebook. Saru wkoll laqgħat ma għaqdiet nazzjonali.

Is-Segretarju Parlamentari qal li r-riżultat ta’ dan id-djalogu, jirrappreżenta l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ u għaldaqstant għandu jkun id-direzzjoni li minnha joħorġu l-politika tal-Gvern f’appoġġ għaż-żgħażagħ.

Għal dan il-għan, din il-politika tkopri bosta oqsma ewlenin li huma marbutin direttament mal-benesseri taż-żgħażagħ, b’mod partikolari: il-familja, l-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa, il-kultura, il-komunità, l-isport, id-divertiment, il-volontarjat, il-ġustizzja għaż-żgħażagħ, l-ambjent, is-soċjetà tal- informazzjoni, tranżizzjonijiet u vulnerabbilità, informazzjoni għaż-żgħażagħ, inklużjoni soċjali u mobbilità.

Is-Segretarju Parlamentari fisser ukoll li din il-Politika se tkun qed isservi ta’ boxxla gwida għall-Aġenzija taż-Żgħażagħ li mistennija li titwaqqaf fix-xhur li ġejjin. Din l-Aġenzija se jkollha l-għan ewlieni li tħares l-interessi taż-Żgħażagħ Maltin u Għawdxin.

Fil-Konferenza tal-aħbarijiet ħadu sehem ukoll Sean Meli u Dylan Seychell, President u Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ. Sean Meli faħħar din il-Politika u qal li din il-politika hi pass ieħor fid-direzzjoni it-tajba fir-rigward tal-ġenerazzjoni żagħzugħa. Hu faħħar il-kollaborazzjoni li għaddejja bejn il-Gvern u l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ fuq numru ta’ inizjattivi ta’ empowerment, fosthom il-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ.

Fit-tmiem tat-tnedija is-Segretarju Parlamentari Clyde Puli, irringrazzja lil dawk iż-żgħażagħ u l-għaqdiet tagħhom li fl-aħħar sena u nofs taw il-kontribut tagħhom. Irringrazzja wkoll lil kumitat li wassal biex ġiet aġġornata din il-politika. Il-membri tal-Kumitat kienu:

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow