DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, FL-OKKAŻJONI TAL-INAWGURAZZJONI TA’ WIRJA ARTISTIKA TA’ JOHN GRIMA BIT-TEMA “A LANGUAGE WITHIN” FIL-BERĠA TAL-ITALJA, IL-BELT VALLETTA – IL-ĠIMGĦA, 12 TA’ MARZU 2010.
Meta ġejt mitlub niftaħ din l-esibizzjoni tal-artist John Grima, ma stajtx ma naċċettax din l-istedina. Illum John mhux biss hu artist stabbilit imma dejjem għaraf jevolvi u jirriġenera lilu nnifsu f’dak li joħloq........u għalhekk nieħu gost insegwi l-passi artistiċi tiegħu, li kull fejn jimirħu jħallu marka fix-xena artistika. John hu artist versatili, li għen biex jesporta ftit mis-sbuħija ta’ Malta, u sintendi ta’ Għawdex, kull fejn espona xogħlu barra minn xtutna. John Grima, l-artist lokali b’perspettiva internazzjonali. John, l-artist internazzjonali li jitkellem b’lingwaġġ lokali.
“A language within” – l-isem li l-artist għażel li jagħti lil wirjietu. L-arti tiegħu hija l-poeżija li toħroġ b’mod viżiv; il-lingwa tiegħu hi manifestazzjoni ta’ kuluri vibranti u espressjonijiet astratti. U lilna l-osservaturi qed teħodna, forsi flimkien mal-artist innifsu, fuq vjaġġ, vjaġġ ta’ skoperta.
Soċjetà mingħajr arti qisha bħal art niexfa qoxqox mingħajr l-ebda ħjiel ta’ ħajja. Kif jgħidli l-awtur ċelebri ta’ “Life of Pi-Yann Martel” - “if we, citizens, do not support our artists, then we sacrifice our imagination on the altar of crude reality, and we end up believing in nothing and having worthless dreams.” Din il-kwotazzjoni baqgħet f’moħħi l-ewwel darba li qrajtha. Mingħajr l-espressjoni artistika ma nagħtux kulur lill-immaġinazzjoni. L-immaġinazzjoni tkattar u tixpruna l-kreattività. U l-valur tal-kreattività ma jissarrafx biss fuq livell artistiku u kulturali, imma wkoll isaħħaħ il-livell ekonomiku.
U l-gvern hu konvint minn dan - li l-kultura fl-ambitu wiesgħa tagħha tixpruna l-attività ekonomika. Għalhekk ħloqna numru ta’ inċentivi u inizjattivi. L-għan tagħna huwa li nkomplu noħolqu l-inċentivi neċessarji u li nipprovdu l-qafas regolatorju sabiex inkattru iktar opportunitajiet fil-qasam kulturali, u impjiegi fil-qasam usa’ tal-industrija kreattiva.
Nista’ nsemmi l-Malta Arts Fund li hu riżultat tal-impenn tal-Gvern favur il-qasam kulturali u kreattiv. Dan il-fond, li qed jgħin 20 artist u gruppi ta’ artisti, qed ikun ta’ sostenn għal proġetti fl-oqsma differenti tal-arti, kif ukoll qed jgħin biex iressaq udjenzi ġodda lejn il-forom diversi tal-espressjoni artistika. Il-ġimgħa l-oħra l-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u Familja nieda wkoll Skema ta’ Boroż ta’ Studju għal min jixtieq jispeċjalizza f’xi qasam artistiku. Dawn il-boroż ta’ studju joffru opportunitajiet ta’ taħriġ fejn qabel dan ma kienx possibbli.
Dawn huma żewġ inizjattivi ġodda u qed nieħdu dawn l-inizjattivi għaliex nirrikonoxxu l-importanza tal-kontribut artistiku f’pajjiżna.
F’dawn l-aħħar ġimgħat, ħloqna working group li jifforma parti mill-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment li qed jeżamina l-industrija kreattiva u qed ifassal il-qafas għall-operat ta’ dan is-settur.
Din hija ħaġa innovattiva – li l-Ministeru responsabbli mill-ekonomija jeżamina l-ekonomija tal-kreattività, sabiex nagħmlu qabża fil-kwalità, u jinħolqu aktar impjiegi f’dan is-settur. Dan hu sinjal pożittiv fejn qed nuru li aħna verament nemmnu fil-potenzjal u l-kapaċità tal-artisti tagħna, u ninsab konvint li bħala parti mill-Viżjoni 2015, l-industrija kreattiva se tkun qed tgħin fl-iżvilupp sostenibbli ta’ pajjiżna.
Ftit tal-ġimgħat ilu nedejna wkoll il-proċess ta’ konsultazzjoni tal-Politika Kulturali li qed titratta numru ta’ oqsma differenti fl-ambitu kulturali, fosthom l-“eċċellenza kreattiva”. Malta trid tibda tħares lejn l-eċċellenza kreattiva mhux biss biex tissaħħaħ l-identità kulturali tagħna imma biex inkunu nistgħu nsaħħu l-aspett ekonomiku tal-artist u ta’ dawk li jaħdmu fil-qasam kreattiv.
Biex naslu għall-eċċellenza rridu wkoll nibdew b’pedamenti sodi u għalhekk il-politika kulturali qed tenfasizza wkoll l-importanza tal-investiment fl-edukazzjoni kreattiva. Din il-politika qed tħares lejn it-taħriġ professjonali tal-artist flimkien mal-bżonn tal-professjonalizzazzjoni tas-settur, kif ukoll qed tindirizza l-istatus legali tal-artist.
Sinjuri,
Nifraħ lil John Grima tax-xogħol ġdid tiegħu li għoġbu jaqsam magħna u jesponih fil-bini maestuż tal-Berġa tal-Italja, li bix-xieraq ngħidu li issa sar ukoll assoċjat mal-kultura minħabba d-diversi wirjiet li jsiru.
Grazzi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990