L-INVESTIMENT BARRANI U L-ĦOLQIEN TAX-XOGĦOL FIĊ-ĊENTRU TAT-TIENI SENA ĦIDMA TAL-MINISTERU TAL-AFFARIJIET BARRANIN
“Fl-aħħar tnax-il xahar, il-ħidma tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin kompliet tiffoka fuq l-investiment u l-ħolqien ta’ aktar postijiet tax-xogħol.” Dan qalu il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin, l-Onor. Tonio Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ppreżenta it-tieni sena ħidma ta’ dan il-Ministeru.
Il-Viċi Prim Ministru qal li fl-2009 il-Maltin taw ċertifikat importanti lill-ħidma tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. 20,000 kuntatt mal-Ambaxxati tagħna barra minn xtutna huma riżultat ta’ ħidma li tindirizza l-bżonnijiet tan-nies. Il-kuntatti baqgħu jiżdiedu, tant li fl-ewwel xahrejn tal-2010 kien hemm 250 interess minn investituri u negozjanti barranin li kkuntattjaw lill-Ambaxxati.
“Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ma jibnix proġetti infrastrutturali li tista’ tarahom b’għajnejk u tmisshom b’idejk. Iżda jibni pontijiet diplomatiċi li jsaħħu r-reputazzjoni ta’ Malta. Din il-politika tissarraf f’ġid għall-familji Maltin. Waqt il-laqgħa tal-Ambaxxaturi Maltin, tajt direzzjoni ċara lill-Ambaxxaturi. Dawn għandhom iservu ta’ vetrina għal Malta fil-ħolqien tax-xogħol u t-turiżmu.”
Fid-dawl tal-fatt li l-ekonomija Maltija rreġistrat tkabbir fl-aħħar tlett xhur tas-sena l-oħra, il-Viċi Prim Ministru enfasizza li iktar minn qabel, l-Ambaxxati Maltin se jkomplu fil-ħidma tagħhom sabiex jattiraw iktar kumpaniji internazzjonali lejn Malta.
Fost l-iktar inizjattivi li jħallu l-frott hemm id-delegazzjonijiet kummerċjali. Dawn iseħħu waqt żjarat statali tal-President ta’ Malta. Fl-ewwel sentejn ta’ din il-leġislatura saru erba’ delegazzjonijiet, bl-aħħar waħda fil-Qatar. Fil-Qatar ġew iffirmati sitt ftehim bilaterali li se jgħinu għall-ħolqien tal-impjiegi. Matul din iż-żjara ġie ffirmat wkoll ftehim bejn il-Lufthansa Technik f’Malta u l-Qatar Airways. B’dan il-ftehim il-Qatar Airways se ġġib 25 ajruplan għall-manutenzjoni f’Malta u se toħloq iktar impjiegi fis-settur tal-avjazzjoni.
Il-Gvern ħabbar li l-SR Technik se tinvesti f’Malta u se tħaddem 350 persuna b’investiment ta’ 1.2 biljun sterlina. Din l-inizjattiva nbdiet mill-Kummissjoni Għolja Maltija fir-Renju Unit.
Fl-aħħar tnax-il xahar, il-Gvern iffirma jew irratifika 40 ftehim ma’ pajjiżi varji. Iffaċilitajna n-negozju bi 11-il ftehim dwar il-Ħelsien mit-Tassazzjoni Doppja. F’laqgħa li saret għal Konsli ta’ Malta, kien hemm 450 laqgħa ma’ negozjanti u professjonisti Maltin.
Saru laqgħat ma’ Gvernijiet ta’ bosta pajjiżi waqt żjarat barra minn Malta. Dawn jinkludu pajjiżi fil-Lvant nofsani: is-Sirja, il-Ġordan, il-Libanu, l-Iżrael u l-Palestina. Ftaħna Ambaxxata f’Iżrael, Rappreżentanza Diplomatika f’Ramallah; Konsolat f’Moska u f’Istanbul; u Kummissjoni Għolja fl-Indja. Ġiet reġistrata żieda fil-ħruġ ta’ viżas mill-Eġittu, il-Libja, u t-Turkija. Kien hemm ukoll żieda fl-interess ta’ barranin li bbenefikaw mill-permanent residence scheme, u mill-vantaġġi li toffri s-sistema ta’ taxxa Maltija. L-Ambaxxati tagħna kienu vitali għal dan is-suċċess.
Saħħaħna r-relazzjoni tagħna mal-pajjiżi tal-Mediterran. Mal-Italja saru diversi skambji ta’ żjarat. Bl-aħħar żjara f’Malta tkun dik tal-President tal-Kamra tad-Deputati, Gianfranco Fini. “Insemmi wkoll l-aħħar laqgħat li saru bejn Malta, l-Italja u l-Libja f’Ruma fi Frar, sabiex tinstab soluzzjoni għall-kriżi li nqalgħet bejn il-Libja u l-Iżvizzera li ħalliet impatt fuq il-pajjiżi li jinsabu fiż-żona Schengen. Kellna wkoll ftehim mal-Italja dwar is-saħħa”, stqarr il-Viċi Prim Ministru Tonio Borg.
Il-Manwal ta’ Gwida għal min isiefer kien suċċess. Dan kien jinkludi informazzjoni konsulari għal min isiefer. Infetaħ l-Uffiċċju Konġunt bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Lega Għarbija f’Malta. L-għan huwa li Malta tkun pont bejn l-Unjoni Ewropea u d-dinja Għarbija. L-Ambaxxati Maltin ħadmu fl-akkwist importanti tal-Uffiċċju Ewropew għas- Sostenn dwar l-Ażil magħruf aħjar bħala l-EASO. Dan għandu baġit ta’ madwar 40 miljun ewro u se joħloq sa 120 impjieg.
Il-Maltin huma magħrufa għall-ġenerożità tagħhom. Permezz tal-Overseas Development Aid, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin qassam madwar 330,000 ewro f’għajnuna lill-għaqdiet volontarji biex iwettqu proġetti ta’ fejda umana f’pajjiżi tat-tielet dinja. Dawn il-flus se jmorru għall-proġetti biex jinbnew skejjel, djar għall-familji fil-bżonn u proġetti infrastrutturali oħra.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990