LAQGĦAT BEJN MALTA U L-LIBJA FI TRIPLI FL-AĦĦAR SIEGĦAT
Il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin, l-Onor. Tonio Borg il-bieraħ u llum kellu diversi laqgħat ma` mexxejja tal-Gvern Libjan.
L-Erbgħa filgħaxija kellu laqgħa ta` siegħa mal-Prim Ministru Libjan Mahmoudi al Baghdadi. Matul din il-laqgha huwa spjega l-pożizzjoni ta` Malta dwar il-kwistjoni kollha tal-visas Schengen li nqalghet fil-kuntest tat-tilwima bejn l-Isvizzera u l-Libja u awgura li tinstab soluzzjoni malajr.
Il-Viċi Prim Ministru Tonio Borg ġie nfurmat mill-Prim Ministru Libjan bl-aħħar proposti li saru mill-Presidenza Ewropea Spanjola, liema proposti ġew aċċettati mill-Gvern Libjan. Dawn issa jridu jiġu aċċettati wkoll mill-Gvern Svizzeru. Hemm previst laqgħa tal-Kabinett Svizzeru għal dan il-għan.
Il-Prim Ministru Libjan apprezza l-għajnuna li qed tagħti Malta, liema għajnuna jikkunsidraha bħala pajjiż ħabib tal-Libja fl-Unjoni Ewropea. Il-Viċi Prim Ministru Tonio Borg tenna li se jerġa` jqajjem il-kwistjoni fil-Kunsill tal-Ministri li jmiss fit-22 ta` Marzu, jekk ma tkunx instabet soluzzjoni sa dak in-nhar. Grupp ta` pajjiżi Schengen fil-Mediterran lesti li jagħmlu proposti konkreti sabiex is-sistema Schengen ma tintużax għal skopijiet politiċi u se jipproponu rimedji għal dan l-iskop.
Il-Ministru Borg esprima x-xewqa ta’ ħafna Maltin li jaħdmu l-Libja jew għandhom interessi ta’ negozju fil-Libja li s-sitwazzjoni tal-visas terġa` tiġi għan-normal sabiex tiġi evitata tbatija lil ċittadini ta’ pajjiż ġar u ħabib.
Illum l-Vici Prim Ministru kellu laqgħa mal-Ministru tal-Affarijiet Ewropej, Abdulati Alobidi fejn infurmah bl-aħħar żviluppi fl-Unjoni Ewropea dwar din il-kwistjoni.
Il-Viċi Prim Ministru wara dawn il-lagħat kellu konversazzjoni fuq it-telefon kemm mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Spanjol, Miguel Moratinos u mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Taljan, Franco Frattini li ser iżur il-Libja fil-15 ta` Marzu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990