76,000 IKLA MQASSMA FID-DJAR TA’ ANZJANI BIS-SERVIZZ MEALS ON WHEELS
Bħalissa f’pajjiżna hawn 984 anzjan/a li jużaw is-Servizz Meals on Wheels kuljum. Minn Jannar sa Diċembru 2009, inħarġu aktar minn 76,000 ikla differenti. Dan fisser żieda ta’ 16.3% meta mqabbel mal-2008, jiġifieri qrib l-10,000 ikla aktar mis-sena ta’ qabel.
L-għan ta’ dan is-servizz huwa li l-anzjani jibbenefikaw minn ikla tajba li tissajjar fi kċina professjonali u tiġi mwassla sal-bieb tagħhom kuljum. Dan is-servizz huwa komdu għall-anzjan għaliex ineħħi l-bżonn li l-anzjan joqgħod jixtri l-ingredjenti u jsajjar hu stess. Barra min hekk, is-servizz jipprovdi lill-anzjan serħan il-moħħ, għax jaf li xemx jew xita, dejjem se jkun ipprovdut b’ikla bnina u abbundanti.
Minn Ottubru tal-2008 l-ikel tal-Meals on Wheels beda jissajjar mill-koki professjonali tar-Residenza San Vinċenz de Paul. Din il-kċina hija mgħammra b’faċilitajiet moderni u tinsab fl-istess residenza.
Permezz tas-servizz Meals on Wheels, flimkien ma’ numru ta’ servizzi oħra, is-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita` qiegħed jgħin lill-Anzjani sabiex jgħixu ħajja kemm jista’ jkun komda fil-komunita` li trabbew jew għexu fiha.
Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn www.youtube.com/segretarjat
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990