Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-PRIM MINISTRU DR LAWRENCE GONZI RIGWARD IL-KONVENZJONI DWAR MALTIN LI JGĦIXU BARRA.

PR0424
Date Icon 10/03/2010

Mr Speaker,

Xtaqt il-lejla nagħmel stqarrija sabiex inħabbar li nhar il-Ħadd li ġej 14 ta’ Marzu 2010, se tibda tiltaqa’ f’Malta il-Konvenzjoni ta’ Maltin li jgħixu barra.  L-aħħar konvenzjoni kienet iltaqgħet f’Jannar tas-sena 2000, u l-ewwel waħda saret fl-1969.  Il-Gvern jemmen li din l-attività timmerita stqarrija f’din il-Kamra.

Id-Diaspora Maltija hija msawra minn Maltin fil-ħames kontinenti – l-iktar waħda numeruża fl-Awstralja.  Kelli diversi okkażjonijiet li nżur dawn il-komunitajiet u nosserva mill-qrib il-mod kif ħutna Maltin integraw fil-pajjiż tal-adozzjoni tagħhom – u fl-istess waqt baqgħu jgħożżu l-għeruq Maltin tagħhom.  Kull darba li żort il-komunitajiet Maltin stajt ninnota mill-qrib is-suċċessi kbar li għamlu fl-oqsma tal-arti, tax-xjenza, fil-business u oqsma oħra.  Imma fuq kollox esperjenzajt l-imħabba lejn dak kollu li hu Malti, mhux biss minn min twieled Malta, iżda anke mill-ġenerazzjonijiet li twieldu barra iżda li huma kburin li huma ta’ dixxendenza Maltija.

Matul is-snin irnexxilna nbiddlu l-ideat u t-terminoloġija tagħna dwar il-Maltin ta’ barra.  Qabel konna nsejħulhom emigranti.  Illum nippreferu nużaw il-frażi “Maltin li jgħixu barra”, għax għalina hemm ġens Malti wieħed:  uħud jgħixu hawn Malta, oħrajn lil hinn minnha.

Matul is-snin, irnexxilna ngħaddu leġislazzjoni minn dan il-Parlament sabiex il-Maltin li telqu minn xtutna u maż-żmien tilfu ċ-ċittadinanza setgħu jerġgħu jakkwistawha.  Permezz ta’ riformi sinifikanti li għamilna fl-1989 u fl-2000, kull persuna li meta twieldet kellha ċ-ċittadinanza Maltija, u aktar tard tilfitha ngħatat id-dritt li terġa’ takkwistaha awtomatikament.  Bir-riforma tal-2007 tajna wkoll id-dritt li kull persuna li tipprova li xi antenat tagħha f’linja diretta kien jew kienet Malti/ja imwieled/a Malta, li ssir Maltija u għalhekk ċittadina wkoll tal-Unjoni Ewropea.

Iktar minn 16,000 persuna ta’ dixxendenza Maltija bbenefikaw minn dawn ir-riformi.

Mr Speaker,

It-temi li se jiġu diskussi fuq firxa ta’ sitt ijiem se jinkludu t-tixrid u tagħlim tal-lingwa Maltija, il-ħarsien tad-drittijiet tal-anzjani u l-futur taż-żgħażagħ fil-komunitajiet Maltin.  Tħejjew relazzjonijiet minn diversi persuni li jirrappreżentaw assoċjazzjonijiet tal-Maltin fil-kontinenti kollha.

Enfasi partikulari illi l-kelliema tal-Gvern se jisħqu dwarha hi l-konservazzjoni u l-ħarsien tal-lingwa, tal-kultura u tat-tradizzjonijiet Maltin barra mill-pajjiż, l-iktar fil-komunitajiet Maltin.  Il-Gvern hu kommess illi jgħin b`kull mod f`dan il-qasam, u hu anki determinat li juża kull mezz modern sabiex jgħin lil min b`mod volontarju qed jiddedika l-ħin tiegħu għal dan l-iskop fil-komunitajiet Maltin. Se jitħabbru xi inizjattivi f`dan il-qasam mill-Ministeru responsabbli waqt il-Konvenzjoni. L-istess japplika għall-qasam tal-kultura u l-isports fejn nistgħu nagħmlu użu tajjeb mit-talenti u l-enerġija tal-komunitajiet Maltin barra minn Malta.

Il-Konvenzjoni tiġi u tgħaddi wkoll. Irridu għalhekk noħolqu struttura li tkun tista’ regolarment tivverifika liema mill-konklużjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni jistgħu jiġu attwati; din l-istruttura jrid ikun fiha Maltin li jgħixu Malta u rappreżentanti ta’ Maltin li jgħixu barra; b’hekk bejn Konvenzjoni u oħra ma jinħeliex ħin, u fid-deċiżjonijiet tal-amministrazzjoni jkun hemm organu li jara li dawn dejjem jieħdu in konsiderazzjoni l-interessi tal-Maltin ta’ barra.

Matul dawn l-aħħar snin f`diversi pajjiżi tqajmet il-kwestjoni tal-emigrazzjoni ta’ tfal, l-iktar lejn l-Awstralja fis-snin minnufih wara il-Gwerra. Fil-kundizzjonijiet imwiegħra ta’ wara l-Gwerra meta l-għaks kont tmissu b`idejk, u meta Malta kienet għadha kolonja, tfal taħt l-età taħt amministrazzjonijiet differenti, ġew trasferiti lejn l-Awstralja, kollha bil-permess tal-ġenitur li kellu awtorità fuqhom, taħt skema mnedija mill-Gvern Awstraljan. Il-parteċipazzjoni tal-Gvern Malti kienet waħda minima. Din l-iskema kienet motivata minn intenzjonijiet tajba, partikularment li dawn it-tfal tingħatalhom edukazzjoni tajba u futur xieraq.  Niftakar sewwa kif sentejn ilu inawgurajt monument f’wieħed mill-isbaħ partijiet tal-Port il-Kbir tagħna, minn fejn telqu dawn it-tfal, li jfakkar dan l-avveniment.

Nemmen li bħala soċjetà matura, huwa xieraq li nagħrfu li minkejja l-intenzjonijiet tajba kollha kien hemm tfal li batew. Għalhekk il-Gvern iqis li wasal il-waqt illi f’dan il-Parlament nitolbu apoloġija lil dawn il-Maltin ħutna għat-tbatija li għaddew minnha, minkejja li din ma kinetx intenzjonata. Flimkien ma’ din l-apoloġija nixtiequ ngħidulhom ukoll li aħna nirrispettaw dak li rnexxielhom jilħqu u nifirħu wkoll fis-suċċessi tagħhom.

Mr Speaker,

Il-Konvenzjoni għandha tagħti ħarsa lura u oħra ‘l quddiem.  Għandha tgħarbel l-akkwisti mhux żgħar li saru f`oqsma differenti u teżamina liema aspirazzjonijiet ġew imwettqa. F`dawn l-għaxar snin twettqu ħafna minnhom. Irridu nħarsu wkoll lejn il-ġejjieni u kif il-Maltin ta’ barra jiġu megħjuna sabiex jassiguraw illi ma tintefix il-fjamma tal-kultura u l-ilsien Malti fil-komunitajiet Maltin.

Nawgura suċċess sħiħ għal din il-Konvenzjoni. Il-parteċipazzjoni wiesgħa li ġiet konfermata, in-numru kbir ta’ kelliema ewlenin, iżda fuq kollox l-interventi ta’ ħutna Maltin fid-dibattitu għandhom jassiguraw illi joħroġ il-ġid minn din il-laqgħa.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow