TNEDIJA TAL-PROĊESS LI SE JWASSAL GĦALL-POLITIKA AMBJENTALI NAZZJONALI GĦALL-GŻEJJER MALTIN
F’konferenza tal-Aħbarjiet li saret aktar kmieni llum wara nofsinhar, l-Onor. Mario de Marco, Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura ħabbar li se jitnieda l-proċess li se jwassal għall-Politika Ambjentali Nazzjonali għall-Gżejjer Maltin.
Dr de Marco spjega li l-politika ambjentali nazzjonali se tkun dokument ta’ qafas komprensiv li jintegra l-għanijiet ambjentali strateġiċi u long-term tal-Gvern b’mod ħolistiku. Din se tispeċifika l-prinċipji li fuqhom għandhom jittieħdu d-deċiżjonijiet u jitqiesu l-prijoritajiet ambjentali tal-Gvern.
Din hija l-ewwel darba li se titfassal politika nazzjonali li se tiffoka fuq is-setturi u l-policy tools ambjentali kollha (regolamenti, infurzar, strumenti market-based, edukazzjoni, eċċ). Ir-raġuni għaliex din se ssir hija sabiex l-impenji u l-prijoritajiet ambjentali tal-Gżejjer Maltin ikunu stabbiliti u kkomunikati b’mod ċar u trasparenti; kif ukoll sabiex tingħata direzzjoni lill-pubbliku u lis-settur privat u entitatiet oħrajn.
Dr de Marco żied jgħid li raġuni oħra hija sabiex ikun assigurat li l-integrazzjoni tal-għanjiet kollha ta’ dawk involuti jkunu maqbulin u koordinati skond prijoritajiet essenzjali, mhux biss fil-qasam ambjentali iżda wkoll f’oqsma oħrajn li għandhom impatt fuq l-ambjent, fost l-oħrajn: is-Saħħa, it-Turiżmu, il-Kompetittività, l-Ekomonija, l-Industrija u l-Innovazzjoni, il-Gvern Lokali, l-Edukazzjoni, it-Trasport u l-Agrikoltura.
Il-Kap tat-Taqsima tat-Turiżmu u Żvilupp Sostenibbli fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, s-Sinjura Marie Louise Mangion spjegat li din il-politika ambjentali għandha tkun waħda bbażata fuq l-evidenza u r-riskju, li tosserva l-prinċipju ta’ kawtela u prudenza, il-prinċipju li min iħammeġ iħallas, u l-prinċipju tas-sussidjarjetà.
Barra minnhekk, il-proċess kollu se jkun wieħed parteċipattiv u trasparenti, filwaqt li jkopri taħlita ta’ għodod li jintużaw għall-immaniġġjar ambjentali (e.g regolamenti, infurzar, strumenti market-based, edukazzjoni, eċċ). Is-Sinjura Mangion qalet li se jkunu sfruttati sinerġiji u indirizzata l-possibbiltà ta’ konflitti bejn setturi differenti. Fl-aħħar mill-aħħar dan il-proċess se jkun suġġett għall-assessjar.
Hija temmet tgħid li se jkun hemm diversi stakeholders, inkluż l-għaqdiet ambjentali, l-industrija u l-pubbliku f’dan l-proċess, li se jkunu nvoluti u li l-proċess se jitmexxa mis-Segretarjat Parlamentari (OPM) b’input mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Ambjent (EPD) tal-MEPA u entitajiet oħra.
Fl-aħħar tal-Konferenza tal-Aħbarijiet, Dr de Marco ħabbar li skond kif kien imwiegħed fid-Dokument tar-Riforma tal-MEPA, il-Gvern ser iżid in-numru ta’ ħaddiema tal-EPD tal-MEPA sabiex l-aspett ambjentali jingħata iktar importanza fil-ħidma tal-Awtorità. Fil-fatt, inbeda l-proċess sabiex dan id-Direttorat jiżdied b’45 persuna – li jirrappreżenta żieda ta’ 50% fuq l-istaff eżistenti.
Id-Direttur tal-EPD, is-Sur Martin Seychell spjega li din iż-żieda fir-riżorsi umani hija kruċjali sabiex id-Direttorat ikun f’qagħda li jibqa’ għaddej bil-ħidma tiegħu ta’ monitoraġġ, iżda wkoll li jintervjeni fuq dawk l-oqsma li se jkunu jenħtieġu azzjoni sabiex fl-aħħar mill-aħħar, l-ambjent ma jitqiesx biss mill-aspett regolatorju u ta’ kundizzjonijiet, imma fuq kollox jagħraf l-opportunitajiet ekonomiċi li joffri l-qasam ambjentali.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990