STĦARRIĠ NAZZJONALI DWAR IL-KONSUM TAL-IKEL U XORB MILL-MALTIN U GĦAWDXIN
L-Awtorità Maltija dwar l-iStandards (MSA) bejn Marzu u Mejju se tagħmel stħarriġ nazzjonali dwar il-konsum ta' ikel u xorb fost individwi adulti (ta’ eta’ bejn 19 u 65 sena), residenti f'Malta u Għawdex.
L-Onor. Chris Said, Segretarju Parlamentari għall-Konsumaturi, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, nieda dan l-istħarriġ fil-preżenza tal-Inġ. Francis Farrugia, Chairman tal-Malta Standards Authority (MSA). L-MSA għandha l-kompetenza biex tagħmel valutazzjoni tar-riskju fil-qasam tas-sigurtà fl-ikel, kif ukoll il-mandat bil-liġi ta’ ġbir ta' informazzjoni rigward il-konsum ta’ ikel skond l-Att dwar is-Sigurtà fl-Ikel.
Kampjun rappreżentattiv ta’ 2,400 persuna tal-popolazzjoni f’Malta u Għawdex ġew magħżula biex jieħdu sehem f’dan l-istħarriġ. Biex tinġabar l-informazjoni meħtieġa dan l-eżerċizzju ġie fdat lil organizzazzjoni professjonali f’dan il-qasam, filwaqt li l-analiżi tal-informazjoni sejra ssir minn uffiċjali tal-Awtorità. Is-Segretarju Parlamentari qal li l-ġbir tal-informazzjoni hu skedat li jitlesta sa Mejju li ġej.
L-eżerċizzju tal-ġbir tal-informazjoni ġie ssimplifikat kemm jista' jkun biex jiffaċilità l-parteċipazzjoni ta’ dawk li ġew magħżula biex jipparteċipaw u l-informazjoni sejra tinġabar fil-forma ta’ djarju ta’ ħamest ijiem.
Il-parteċipanti se jiġu mitluba li matul il-ħamest ijiem tal-eżerċizzju jindikaw fid-djarju t-tip u kategorija ta’ ikel u xorb, kif ukoll il-kwantità kkunsmata. Kull konsum għandu jiġi nkluż, mill-inqas kwantità ta’ ikel u xorb sal-akbar platt ikkunsmat. L-informazzjoni personali miġbura tal-parteċipanti mhux ser tkun magħrufa, bid-djarju li jintuża jkun anonimu, u d-dettalji kollha se jinżammu kunfidenzjali għall-analiżi ta’ dan l-eżerċizzju.
Chris Said qal li dan l-eżerċizzju għandu erba’ għanijiet prinċipali - li jagħti stampa eżatta tat-tip u kwalità ta’ ikel u xorb li l-Maltin u Għawdxin jikkunsmaw, u l-kwantitajiet ta’ dan l-ikel u xorb; u li l-istħarriġ se jgħin fil-valutazzjoni tar-riskju fil-futur tal-ingredjenti użati għall-ikel u xorb, speċjalment l-addittivi bħal ‘E numbers’. Se jkun qed jgħin ukoll biex jiġu valutati azzjonijiet futuri li għandhom jittieħdu kontra mard varji bħall-obeżità, id-dijabete tip 2, mard kardjovaskulari, puplesiji u ċerti tipi tal-kankru tal-kolon u fl-istonku. Barra minhekk l-informazjoni miġbura se tintuża wkoll biex il-konsum tal-Maltin u Għawdxin ikun komparat ma’ nazzjonijiet oħra.
Is-Segretarju Parlamentari appella li biex dan l-eżerċizzju jirnexxi huwa mportanti li l-individwi li ġew identifikati biex jipparteċipaw jagħtu s-sehem tagħhom billi jagħtu l-informazzjoni mitluba u b’mod korrett. Dan jiswa għall-istess parteċipanti fl-eżerċizzju kif ukoll għas-saħħa tal-poplu kollu.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990