XOGĦOL. NINVESTU F’GĦAQAL FIK U FIL-PAJJIŻ
Il-ħolqien tax-xogħol kien fuq quddiem nett tal-aġenda tal-ħidma tal-Gvern matul it-tieni sena ta’ din il-leġislatura. It-tkattir tal-impjiegi jibqa’ prijorita’ għall-Gvern. Il-Gvern ħadem biex aktar kumpaniji u fabbriki jinvestu f’Malta u joħolqu impjiegi ġodda, ħadem biex min għandu investiment f’Malta jsaħħu u biex min kien għaddej minn diffikultajiet minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja internazzjonali jingħata l-għajnuna biex iżomm l-impjegati u jinvesti aktar. Il-Gvern ta mportanza qawwija lill-investituri lokali, lis-self employed u lis-sidien tan-negozji żgħar u medji.
Dan qalu l-Prim Ministru Lawrence Gonzi waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dal-għodu fil-Berġa ta’ Kastilja, li matulha ippreżenta l-ħidma li saret mill-Gvern matul it-tieni sena ta’ din il-leġislatura.
Fil-messaġġ tiegħu l-Prim Ministru qal li “t-tieni sena ta’ din il-leġislatura kienet sena ta’ sfidi kbar. Iżda kienet ukoll sena li tat riżultati għaliex il-Gvern investa u ħa inizjattivi biex ikompli jinħoloq ix-xogħol. Dan għamilnieh fi sfond fejn id-dinja kienet għaddejja mill-agħar kriżi ekonomika u finanzjarja. Istituzzjonijiet finanzjarji ewlenin iġġarrfu. Kumpaniji multi-nazzjonali keċċew ħaddiema bl-eluf. Il-qgħad f’pajjiżi ewropej qabeż l-20%. L-iżbilanċ f’pajjiżi oħra żdied bla rażan. Id-domanda għall-produzzjoni naqset u n-nies vjaġġaw anqas.
Il-kriżi internazzjonali ddominat il-laqgħat ewropej u l-fora internazzjonali. Pajjiżi ppruvaw jindirizzaw id-diffikultajiet b’mod differenti: kien hemm min żied l-income tax, oħrajn żiedu l-VAT, it-taxxa fuq il-propjetà u t-taxxa fuq in-negozju, kien hemm min iffriża l-pagi u għolla l-età tal-pensjoni.
Pajjiżna ried fuq naħa jkun pro-attiv billi jieħu inizjattivi f’kuntest internazzjonali iebes u fl-istess waqt jirrispondi b’ħeffa u b’għaqal biex inaqqas l-effett li l-kriżi kien qiegħed ikollha fuq kull pajjiż.
Il-Gvern għaraf li l-aqwa prijorita’ għalina l-Maltin tibqa’ l-ħolqien tax-xogħol, li jsaħħaħ u jħajjar aktar investiment lokali u barrani biex jinħolqu aktar impjiegi.
Il-Gvern investa aktar minn €80 miljun fi skemi ta’ għajnuna finanzjarja u tnaqqis ta’ taxxi lill-fabbriki u kumpaniji li hawn f’Malta. F’sena ta’ kriżi internazzjonali, l-ETC għamlet aktar placements, mis-sena ta’ qabel. Żidna l-korsijiet ta’ taħriġ u 6,745 persuna pparteċipaw. Ħabbarna t-twettiq ta’ skemi li permezz tagħhom sal-2013, se jitħarrġu 28,000 ħaddiem. Fl-2009 il-ħaddiema, is-self employed u l-pensjonanti ħallsu anqas taxxa għaliex naqqasna l-income tax għat-tielet sena konsekuttiva.
Fil-qasam tat-turiżmu, nidejna skemi għas-settur privat u żidna l-fondi biex nirreklamaw aktar lil Malta.
Il-Gvern irrisponda għall-effett tal-kriżi internazzjonali billi żied l-inċentivi għall-investiment u żied l-opportunitajiet ta’ taħriġ. Min qiegħed jinvesti f’pajjiżna qiegħed isib ambjent ekonomiku kompetittiv u ħaddiema mħarrġa u b’hekk inħolqu aktar impjiegi.
Investejna u qed ninvestu f’aktar proġetti kapitali, għaliex dawn ukoll joħolqu aktar impjiegi. Qed jinbnew aktar skejjel ġodda fil-Mosta u f’Għawdex. Qed jinbnew aktar toroq arterjali ġodda f’Marsaskala, iż-Żurrieq, u f’Victoria Għawdex u qed ninvestu aktar fil-bini ta’ toroq lokali. Qed ninvestu fi proġetti għat-tisfija tad-drenaġġ biex innaqqsu t-tniġġiż fl-ilma u fir-rijabilitazzjoni tal-Magħtab biex inneħħu l-gassijiet mill-arja. Investejna f’inċineratur li hu essenzjali biex jiġi ttrattat skart li jiġi mill-industrija. Qed ninvestu f’aktar proġetti li jsebbħu d-dehra ta’ pajjiżna. Illum Pjazza Sant’Anna ngħatat lura lill-komunita’. F’Ta’ Qali sar Adventure Park, partikolarment għat-tfal. Pjazza San Ġorġ qed titgawda mill-familji minflok fgata bil-karozzi. Fl-2010 se nkomplu ninvestu f’aktar proġetti u se jkompli jiġi ġenerat aktar xogħol waqt li jkunu għaddejjin dawn il-proġetti.
Fit-tieni sena ta’ din il-leġislatura komplejna saħħaħna s-sistema edukattiva ta’ pajjiżna, biex uliedna jirnexxu lkoll. Qed inwettqu r-riforma mill-primarja għas-sekondarja biex ikollna sistema edukattiva li verament toħroġ il-potenzjal ta’ kull tifel u tifla. Dan jagħti sodisfazzjon akbar lill-ġenituri, u lill-għalliema li f’idejhom qed nafdaw l-aqwa teżor li għandna. Qed ninvestu f’aktar computers u tagħmir elettroniku fl-iskejjel, f’aktar laboratorji u workshops għall-istudenti. 16,000 student u studenta qed jieħdu l-istipendju. Qed nagħtu scholarships biex aktar żgħażagħ jispeċjalizzaw.
Il-politika tal-Gvern fil-qasam tas-saħħa hi ċara: l-aħjar servizzi tas-saħħa b’xejn. Ftaħna Breast Screening Centre biex nilqgħu kontra l-marda tal-kanċer. Bdejna kors biex it-tobba jkunu jistgħu javvanzaw f’Malta. Bis-sehem tal-professjonisti u l-ħaddiema kollha fil-qasam mediku żdiedu l-operazzjonijiet. Fl-2009 saru 39,000 operazzjoni – żieda ta’ 6,000 fuq dawk li kienu saru fl-aħħar sena tal-Isptar San Luqa.
Fit-tieni sena ta’ din il-leġislatura komplejna nwettqu aktar riformi u tiġdid. Dan għamilnieh b’konsultazzjoni wiesgħa. Inbeda l-proċess tal-privatizzazzjoni tat-tarzna biex inqatgħu s-sussidji, it-tarzna tibda tagħti kontribut ekonomiku u jinħolqu impjiegi produttivi. Wettaqna t-tibdil fil-liġi tal-kera, biex nistimulaw dan is-suq u ssir ġustizzja. Ippubblikajna l-abbozz ta’ liġi dwar ir-riforma tal-MEPA biex insaħħu l-effiċjenza, il-konsistenza, l-accountability u jsir l-infurzar meħtieġ. Ftehemna dwar ir-riforma tat-trasport pubbliku u issa ngħalqu l-offerti biex jingħata servizz aktar effiċjenti.
Fl-2010, se nkomplu nibnu fuq il-pedamenti sodi li għamilna flimkien fl-ewwel sentejn ta’ din il-leġislatura. Se nkomplu naħdmu biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. Flimkien u b’diskussjoni se nkomplu negħlbu l-isfidi. Se nkomplu naħdmu biex noħolqu aktar xogħol u ninvestu b’għaqal fik u fil-pajjiż.”
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990