IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAL NEGOZJI ŻGĦAR U ARTIJIET, JASON AZZOPARDI, JIRĊIEVI ŻJARA TA’ KORTEŻIJA MIS-CEO TAL-KAMRA TAL-KUMMERĊ TA’ HONG KONG, IS-SUR ALEX FONG
Is-Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet, Jason Azzopardi, illum irċieva żjara ta’ korteżija mis-CEO tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Hong Kong, is-Sur Alex Fong. Din iż-żjara issegwi laqgħat li Jason Azzopardi kellu ma’ uffiċjali għolja f’Hong Kong f’Jannar li għadda, fosthom Fong, dwar il-possibbilita` ta’ tkabbir tal-kummerċ, u tisħiħ tal-kuntatti bejn il-Kmamar tal-Kummerċ taż-żewġ naħat.
Is-Segretarju Parlamentari qal li tajjeb li jissaħħu relazzjonijiet bejn Malta u Hong Kong anke permezz ta’ ftehim ta’ ħelsien mit-tassazzjoni doppja għax dan jiġbed l-investiment u b’hekk ikattar ix-xogħol. Fil-fatt fil-laqgħat li kellu Jason Azzopardi f’Hong Kong f’Jannar li għadda, intlaħaq ftehim sabiex iżjed tard din is-sena jibdew negozjati fuq livell tekniku biex iwasslu li Malta jkollha ftehim dwar tassazzjoni doppja ma’ Hong Kong.
Is-Segretarju Parlamentari tenna li l-Gvern huwa mpenjat li jkompli joħloq klima stabbli u favorevoli biex in-negozjant Malti jkun jista’ jimraħ.
Ftehim dwar tassazzjoni doppja bejn Malta u Hong Kong, speċjalment meta wieħed iqis li dan ser ikun uniku fir-reġjun Mediterranju, jissarraf f’ġid għall-ekonomija bħala inċentiv b’saħħtu għall-investiment. Malta b’hekk issir il-bieb konvenjenti u ovvju fin-nofsinhar tal-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq, għal Hong Kong.
Fid-dinja tal-lum Hong Kong huwa wieħed mill-iprem ċentri finanzjarji fid-dinja, bl-aqwa ismijiet tad-dinja finanzjarja u b’rata ta’ tkabbir ekonomiku f’ċertu oqsma tal-ekonomija ’l fuq minn 8% fis-sena.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990