Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT

PR0389
Date Icon 04/03/2010

L-għaqal tal-Gvern Malti żamm id-defiċit taħt kontroll

L-istqarrija tal-Kelliem Laburista għall-Finanzi Charles Mangion tidher intiża li tagħti stampa differenti tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ pajjiżna li proprju ftit tal-ġimgħat ilu għaddiet mill-iskrutinju iebes tal-għola istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

Filfatt, il-Kummissjoni Ewropea rrakkomandat li tkun posposta b’sena d-data li fiha Malta tkun mistennija tilħaq il-miri stabbiliti mill-Patt ta’ Stabbilità u Tkabbir fir-rigward tad-defiċit minħabba l-impatt tal-krizi ekonomika u finanzjarja internazzjonali. Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni nnutat li Malta kienet ħadet azzjoni effettiva biex tikkoreġi l-iżbilanċ iżda rrikonoxxiet li l-impatt tal-kriżi ekonomika globali kien aktar milli kien mistenni aktar kmieni s-sena li għaddiet, anke skont il-previżjonijiet tagħha stess.

Minkejja li l-Oppożizzjoni tipprova tpinġa s-sitwazzjoni mod ieħor, din id-deċiżjoni, li eventwalment kienet ikkonfermata wkoll mill-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea hija l-akbar prova tal-għaqal u r-responsabbiltà tal-Gvern li poġġa tul l-2008 u l-2009 bħala l-akbar priorità l-istabbilità ekonomika u l-postijiet tax-xogħol tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Is-sena li għaddiet kienet prova ċara tal-impenn tal-Gvern li jkompli juża r-riżorsi kollha disponibbli lilu biex jissalvagwardja l-postijiet tax-xogħol eżistenti u jkompli jattira l-investiment biex joħloq impjiegi ġodda.

F’dan is-sens, matul is-sena 2009 il-Gvern wieġeb għas-sejħa tal-European Economic Recovery Plan b’miżuri ta’ appoġġ għall-ekonomija li l-Kummissjoni Ewropea ddeskriviet bħala adegwati u fost l-aktar b’saħħithom fost l-Istati Membri tal-UE. Filfatt, ir-rapport kien qal li Malta kienet fost l-ewwel erba’ pajjizi li għamlu l-akbar pakketti ta’ stimolu ekonomiku.  Ir-rapport jinnota li xi Stati Membri ma taw l-ebda kontribuzzjoni fil-pjan ta’ rkupru ekonomiku minħabba li l-finanzi tagħhom ma tawhom ebda spazju. Għall-kuntrarju, il-fatt li pajjiżna fis-snin ta’ qabel ħadem biex ikollu finanzi fis-sod ippermettilu jkun f’din il-pożizzjoni li jappoġġja l-ekonomija, billi fost l-oħrajn intervjena fis-setturi tat-turiżmu u l-manifattura, għajnuna li wasslet biex l-impatt fuq pajjiżjna kien ferm anqas ħarex milli f’pajjiżi oħra.

Fir-rigward tal-investiment, ir-rapport jinnota li prattikament l-Istati Membri kollha ħabbru miżuri intenzjonati biex iżidu sostanzjalment l-investiment fl-infrastruttura fiżika tal-pajjiż, għalkemm is-saħħa ta’ dan ivarja bejn l-istati Membri. Għal darb’oħra, il-Kummissjoni tinnota li kienu sitt pajjiżi, fosthom Malta, li investew l-aktar f’dan is-sens.

Ir-riżultati qed joħorġu fil-beraħ hekk kif statistika tal-Eurostat ta’ din il-ġimgħa turi tnaqqis fil-qgħad f’Jannar meta mqabbel ma’ Diċembru biex Malta tibqa’ sostanzjalment taħt il-medja tal-qgħad tal-Unjoni Ewropea. Ċifri oħrajn ippubblikati lbieraħ mill-Eurostat juru li pajjiżna kien wieħed fost erba’ pajjiżi biss li kellhom żieda fil-kummerċ f’Jannar filwaqt li 13-il pajjiż ieħor kellhom tnaqqis. Din hija riflessjoni tad-differenza bejn il-kliem u l-fatti.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow