DISKORS MILL-ONOR. JOE CASSAR, MINISTRU TAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITA’, FL-OKKAŻJONI TAL-‘EUROPEAN QUITTER AWARD FOR 2009’ – VALLETTA – 4 MARZU 2010
Huwa tassew unur għalija li qiegħed magħkom biex naqsmu flimkien din l-esperjenza fejn il-kandidat nominat minn Malta, Daniel Magrin, kien dikjarat ir-rebbieħ tal-konkors ‘European Quitter for 2009’.
Mill-istorja ta’ Daniel nindunaw li hu ma kienx biss suċċess għalih innifsu, imma kien ukoll ta’ eżempju għal dawk kollha li għandhom għal qalbhom u jirrispettaw lil uliedhom u lil dawk ta’ madwarhom. Il-ħarsien tat-tfal mit-tipjip indirett hi ħaga ta’ mportanza kbira għas-saħħa tagħhom. Lil dawk li jpejpu ngħidilhom li huwa diġa` ħażin li ma naħsbux dwar saħħitna, aħseb u ara li ma nagħtux każ is-saħħa ta’ uliedna u dawk li jgħixu madwarna.
Kif jgħid il-Malti ‘L-eżempju jkaxkar’. Daniel iddeċieda bis-serjeta u waqaf. Mhux faċli li tieqaf mit-tipjip, trid tirsisti u tippersevera biex taqta’ l-vizzju. J’Alla ħafna oħrajn jimxu mal-eżempju tiegħu fejn ikunu kapaċi jipproteġu s-saħħa ta’ dawk ta’ madwarhom.
Irridu niftakru li l-bżonn li jkun hemm ambjent ħieles mit-tipjip huwa dritt fundamentali tal-bniedem. Dan minħabba l-fatt li hemm evidenza li turi li t-tipjip imsejjaħ passiv ipoġġi fil-periklu wkoll lil dawk li ma jpejpux. Dawk l-individwi li jagħżlu li ma jpejpux għandhom id-dritt li jkollhom ambjent nadif.
Minn studji lokali huwa ndikat li madwar wieħed minn kull erba’ persuni jpejpu. Jekk tapplika din iċ-ċifra, 300,000 persuna Maltija tista’ tkun qiegħda ssofri l-konsegwenzi ta’ tipjip indirett.
Fl-aħħar ma nistax ma nsemmix li hija wkoll responsabilita ta’ kull wieħed u waħda minna li nieħdu ħsieb saħħitna u nipproteġu l-ġenerazzjoni ta’ llum u ta’ għada. Li tieqaf tpejjep żgur li hi l-aktar ħaga tajba li wieħed jista’ jagħmel biex itejjeb saħħtu, il-ħajja u jgħix aktar.
Din iċ-ċelebrazjoni hija opportunita fejn persuni oħra li jpejpu, jeżaminaw il-vizzju tagħhom tat-tipjip u kif dan jeffettwa ħajjithom u l-mod ta’ għixien. Daniel huwa eżempju ħaj ta’ impenn sħiħ u serju għal dawk kollha li jpejjpu.
Nifraħ lill-familja ta’ Daniel kif ukoll lill-post tax-xogħol fejn jaħdem, il-Bank of Valletta, għas-supportkbir li tawh biex l-istorja tiegħu tkun ta’ suċċess.
Huwa unur tiegħi li nippreżenta dan it-trofew lil Daniel għas-suċċess personali tiegħu u l-unur li ġab lil Malta. Prosit Daniel.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990