PAKKETT TA’ INĊENTIVI BIEX TINGĦATA SPINTA LILL-INDUSTRIJA TAT-TURIŻMU
Pakkett komprensiv ta’ sitt inċentivi lis-settur tat-turiżmu tħabbar waqt Konferenza tal-Aħbarijiet mill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, l-Onor. Tonio Fenech u mis-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura, l-Onor. Mario De Marco, fil-preżenza tal-Malta Hotels and Restaurants Association (MHRA) u l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta (MTA).
Il-Ministru Tonio Fenech spjega kif il-Gvern huwa konxju tal-importanza li s-settur tat-turiżmu għandu fil-kuntest ekonomiku ġenerali u kien għalhekk li saru d-diskussjonijiet mal-MHRA biex jgħin lil-lukandi u r-ristoranti jinvestu biex jilqgħu aħjar għaż-żidiet internazzjonali fil-prezz taż-żejt. Permezz tal-iskemi tal-Malta Enterprise, bl-użu ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea, il-lukandi u r-ristoranti se jingħataw għajnuna li tista’ tlaħħaq l-€200,000 għal proġetti ta’ €400,000 biex jinvestu f’sistemi li jiġġeneraw l-enerġija alternattiva jew li jnaqqsu l-konsum.
Biex isir l-aħjar użu minn dawn il-fondi, se jkun provdut ukoll servizz ta’ energy audits li jindika liema kambjamenti jistgħu jsiru biex dawn l-istabbilimenti jkunu aktar effiċjenti fil-konsum tagħhom. Il-Ministru Fenech spjega li f’każ li xi lukanda tibqa’ f’diffikultà minkejja din l-għajnuna, tkun tista’ tintervjeni wkoll l-Economic Recovery Taskforce tal-Gvern.
Dwar l-eko-kontribuzzjoni (bed tax) intlaħaq qbil li, biex ikun evitat l-impatt fuq dawk il-persuni li jqattgħu f’Malta perjodu itwal ta’ żmien, li minflok l-ammont jinħadem fuq kull lejl, ikun hemm ammont fiss ta’ €3.50 fuq kull persuna li tkun akkomodata f’Malta. Dan ikun ifisser li dawk il-persuni li jkunu se jqattgħu ammont twil f’pajjiżna, bħall-istudenti li jagħżlu pajjiżna biex jistudjaw, ikollhom impatt limitat minn din il-kontribuzzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura, l-Onor. Mario de Marco, qal li l-ftehim mal-MHRA qed iseħħ f’mument fejn in-numru ta’ turisti li qed iżuru Malta qed jibda juri l-ewwel sinjali ta’ titjib, b’Diċembru u Jannar jirreġistraw żieda ta’ aktar minn 10% fuq l-istess perjodu tas-sena ta’ qabel. Huwa qal li fl-aħħar ġimgħat diġa’ tħabbru diversi rotot ġodda għall- 2010, u li huma:
• Airmalta: darbtejn fil-ġimgħa – Torino – Mejju
• Airmalta: darbtejn fil-ġimgħa – Genoa – Mejju
• EasyJet – kuljum – Ruma - l-aħħar ta’ Marzu
• Easyjet – tliet darbiet fil-ġimgħa – Milan Malpensa – l-aħħar ta’ Marzu
• Easyjet – darbtejn fil-ġimgħa – Liverpool - Ġunju
• Ryanair – darbtejn fil-ġimgħa – Leeds Bradford - April
• Ryanair – darbtejn fil-ġimgħa – Bournemouth - April
• BMIbaby – darbtejn fil-ġimgħa – East Midlands - Mejju
• Norwegian – darbtejn fil-ġimgħa – Oslo - Marzu
• Norwegian – darba fil-ġimgħa – Copenhagen - April
• Ryanair – se żżid għal tliet darbiet fil-ġimgħa – Bristol - Mejju
• Ryanair – se żżid għal tliet darbiet fil-ġimgħa – Edinburgu - Mejju
Huwa qal ukoll li l-kumpanija Ryanair kienet se tibbaża ajruplan Malta u se żżid sitt rotot oħrajn ġodda, itiru minn u lejn Malta minn Ġunju li ġej. Dawn ir-rotot il-ġodda huma: Valencia u Seville fi Spanja, Bologna fl-Italja, Billund fid-Danimarka, Krakow fil-Polonja u Marseilles fi Franza. Dan ifisser li b’kollox matul l-2010 se jkun hemm 16-il rotta ġdida.
Dr de Marco sostna li l-MTA se tkompli żżid ir-reklamar ta’ Malta sabiex tkompli ssostni din l-industrija tant importanti għall-ekonomija tal-pajjiż u sabiex mhux biss inħarsu l-impjiegi eżistenti f’dan is-settur, imma noħolqu oħrajn ġodda. Se jkun estiż għal din is-sena wkoll il-fond intiż sabiex jgħin lill-operaturi fl-industrija jżidu r-reklamar barra minn pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari semma’ wkoll l-iskema ta’ sussidju tal-imgħax li wkoll inbdiet is-sena l-oħra u li issa se tkun qed tirdoppja l-ammont ta’ sussidju minn 1.5 % għal 3 % tar-rata tal-imgħax fuq self li lukandi, ristoranti, u operaturi turistiċi jieħdu sabiex iwettqu tisbiħ jew estensjonijiet tal-operat tagħhom. Dan għandu jgħin sabiex il-prodott turistiku jkompli jitjieb.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990