STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT
Politika favur ix-xogħol bil-fatti u r-riżultati
Il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment jirreferi għall-Istqarrija ppubblikata llum wara nofsinhar mid-Deputat Mexxej Laburista għall-Affarijiet tal-Parlament Anġlu Farrugia.
Ix-xogħol hu priorità assoluta fil-ħidma tal-Gvern. Ta’ dan, ix-xhieda hija madwarna lkoll. Dan jixduh l-interventi li għamel il-Gvern biex isalva l-impjiegi fil-fabbriki li ntlaqtu direttament mill-kriżi internazzjonali. Dan jixhduh il-postijiet ġodda maħluqa minn investiment barrani ġdid, bħall-SR Technics u l-investiment minn kumpaniji li diġà qegħdin f’pajjiżna. Jixhduh is-sensiela ta’ inizjattivi li jinċentivaw il-ħolqien tax-xogħol, favur l-intrapriża żgħira, favur it-turiżmu, u tant iktar.
L-Oppożizzjoni qed tibbaża l-argumentazzjoni tagħha fuq previżjonijiet filwaqt li tinjora l-fatti kif inhuma llum:
- Fl-Unjoni Ewropea llum hemm 23 miljun persuna bla xoghol. F’sena, 4.5 miljun persuna tilfu l-post tax-xogħol. F’xahar biss (Diċembru sa Jannar) 136,000 tilfu x-xogħol.
- Statistika ppubblikata fl-1 ta’ Marzu 2010 mill-Eurostat turi li l-qgħad fiż-żona ewro f’Jannar kien 9.9%. F’Malta 7.0%. Dan ifisser li l-qgħad niżel b’0.2% minkejja li bosta pajjiżi oħra reġgħu kellhom żidiet.
- L-istess statisitka turi tnaqqis partikolari fil-qgħad fost iż-żgħażagħ.
- Il-qgħad huwa aktar baxx minn Malta f’5 pajjiżi biss u ogħla f’21 pajjiż ieħor, b’ħafna pajjiżi jaqbżu l-10%, filwaqtl i xi pajjizi ghandhom qghad ta’ 20%.
Ir-rizultat f’pajjizna huma frott il-ħidma kontinwa ma’ dawk il-kumpaniji li diġà qegħdin f’pajjiżna fejn ingħataw għajnuna biex jinvestu u joħolqu aktar postijiet tax-xogħol. Fl-aħħar ġimgħat biss numru ta’ kumpaniji bħal Cardinal Health, Prominent, Farsons, Toly Products, Island Hotels Group u l-Lukanda SeaBank kollha ħabbru investimenti ġodda li bejniethom se joħolqu mijiet ta’ postijiet tax-xogħol ġodda.
L-Oppożizzjoni tibqa’ tinjora wkoll x’qed jiġri f’pajjiżi oħra fl-Ewropa, bħal Spanja, il-Greċja, l-Irlanda u l-Portugall fuq quddiemnett, fejn minħabba l-qagħda finanzjarja mwegħra kellhom jiġu introdotti numru ta’ miżuri ta’ awsterità, fosthom tnaqqis ta’ pagi u żidiet fit-taxxi. Sal-lum stess, il-Gvern Grieg ħabbar aktar minn dawn il-miżuri bi tnaqqis ulterjuri fil-pagi tas-settur pubbliku (sa 30%) u b’żieda ta’ 2% fir-rata tal-VAT
Il-Gvern se jibqa’ iffukat biex tul l-2010 jimplimenta dawk l-inizjattivi mħejjija fil-baġit immirati favur il-ħolqien tax-xogħol, bħall-iskema MicroInvest, li diġà ġiet implimentata, fejn negozji li jħaddmu anqas minn 10 min-nies igawdu minn tax credit ta’ 40% fuq is-salarji ta’ persuni ġodda li jħaddmu magħhom din is-sena.
Dan huwa biss eżempju wieħed ta’ kif il-Gvern jimplimenta bil-fatti l-politika tiegħu favur ix-xogħol. L-Oppożizzjoni tibqa’ mheddija fuq diskorsi u stqarrijiet, waqt li l-Gvern mixi bil-fatti u għandu f’idejh ir-riżultati.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990