Left arrow Go Back

DISKORS MILL-MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA, L-ONOR. DOLORES CRISTINA WAQT IT-TNEDIJA TA’ SISTEMA TA’ SORVELJANZA ELETTRONIKA FUQ SAĦĦET IT-TFAL (CHESS) – SLIEMA – 3 TA’ MARZU 2010

PR0375
Date Icon 03/03/2010

Hu fatt magħruf u ppruvat xjentifikament li s-suċċess akkademika tat-tfal għandu rabta qawwija ħafna ma’ saħħithom. 

Fatturi marbuta mas-saħħa tat-tfal, bħalma huma nuqqas ta’ nutriment, l-abbuż fiżiku jew emozzjonali u kultant il-mard kroniku, iwasslu biex fl-iskola dawn it-tfal ma jmorrux tajjeb.  Imġieba li tpoġġi f’riskju s-saħħa tal-istudenti, bħalma huma l-użu ta’ sustanzi, il-vjolenza u n-nuqqas ta’ attivita’ fiżika, huma marbuta mal-falliment akkademiku għax iwassal biex tfal ifallu l-iskola, jiksbu riżultati fqar u jitilfu mill-attenzjoni fil-klassi. 

Il-Ministeru u d-Direttorati tal-Edukazzjoni jagħrfu r-rabta kbira li teżisti bejn l-edukazzjoni u s-saħħa kif ukoll il-bżonn li l-ambjent edukattiv ikun wieħed san.  Għal dan l-iskop id-Direttorati għandhom numru ta’ servizzi marbuta mas-saħħa tal-istudenti fosthom is-Servizzi Edukattivi tas-Saħħa, unitdwar l-Abbuż mis-Sustanzi, unit psikoloġiku, unit dwar is-saħħa u s-sigurta’ fl-iskejjel, unit għas-sigurta’ tat-tfal u anke t-tagħlim tal-Home Economics. 

Dawn il-units ikunu jistgħu jwettqu l-ħidma tagħhom b’risq l-istudent jekk ikollhom, kif se jkollhom permezz tas-sistema li qed tkun introdotta l-lum, aċċess għall-profil tas-saħħa tal-istudenti. Din is-sistema għandha tgħin biex ikunu jistgħu jsiru arranġamenti edukattivi speċjali għal studenti li jbatu minn xi kundizzjoni, kemm waqt il-klassijiet normali kif ukoll waqt l-eżamijiet. 

Il-promozzjoni ta’ kisbiet akkademiċi u vokazzjonali hi waħda mill-miri ewlenin tal-programmi moderni tas-saħħa fl-iskejjel.  Kitba xjentifika turi li inizjattivi favur is-saħħa meħuda fl-iskejjel, ikollhom impatt pożittiv fuq ir-riżultati edukattivi u jnaqqsu l-imġieba li tipperikola s-saħħa. 

Fl-istess ħin, l-iskejjel huma l-post fejn tista’ u għandha ssir ħidma sfieqa favur il-promozzjoni tas-saħħa.  Dan hu proċess li permezz tiegħu, in-nies, fil-każ tagħna l-istudenti, ikunu kapaċi jikkontrollaw aħjar u jtejjbu saħħithom. 

Biex ikollu saħħa mentali u fiżiku tajjeb u jħossu tajjeb anke soċjalment, il-bniedem irid jidentifika u jilħaq l-aspirazzjonijiet u jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu.  Għalhekk, is-saħħa hi riżorsa mportanti fil-ħajja ta’ kuljum.  Għalhekk il-promozzjoni tas-saħħa m’hix biss responsabbilta’ tal-awtoritajiet tas-saħħa, imma ta’ oqsma oħra bħalma hu l-qasam tal-edukazzjoni. 

Hemm bżonn għalhekk aktar ħidma flimkien bejn dawn iż-żewġ oqsma – tal-Edukazzjoni u tas-Saħħa – u jekk hemm bżonn anke mal-privat u ma’ aġenziji volontarji biex nassiguraw li fl-iskejjel tagħna ikollna l-aħjar ambjent, nieqes minn kull periklu. 

Id-Direttorati tal-Edukazzjoni huma konxji minn din il-ħtieġa tant li twaqqaf Kumitat għas-Saħħa fl-Edukazzjoni li jiltaqa’ regolarment biex jiddiskuti u jimplimenta inizjattivi fl-iskejjel favur is-saħħa tat-tfal u jservi wkoll bħala forum għall-dawk kollha nvoluti. 

Kif urejna f’dawn l-aħħar xhur, meta faqqgħet il-pandemija tal-A H1N1, id-Direttorati tal-Edukazzjoni u dak tas-Saħħa ħadmu tajjeb ħafna flimkien biex evitajna li din l-influwenza tinxtered fost it-tfal, b’detriment kemm għal saħħithom kif ukoll għall-edukazzjoni tagħhom.  Din il-ħidma tant kienet suċċess li ftit kellna każi fl-iskejjel u qatt ma kien hemm il-periklu li minħabba dan il-virus nagħlqu xi skola kif sfortunatament ġara f’pajjiżi oħra. 

Din il-kooperazzjoni rriduha tkompli tikber u t-tnedija ta’ dan il-proġett hi pass ieħor biex tassiguraw li jkollna skejjel b’ambjent nieqes minn kull periklu. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow