Left arrow Mur Lura

INAWGURATI FAĊILITAJIET TA’ GYM ĠODDA FIL-KUMPLESS SPORTIV TA’ GĦAWDEX

PR0363
Date Icon 02/03/2010

Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, inawgurat faċilitajiet ta’ gym ġdid fil-Kumpless Sportiv fir-Rabat Għawdex. Ix-xogħol fuq dan il-proġett twettaq mill-ħaddiema tal-Kumpless Sportiv stess, li biddlu kmamar li ma kinux jintużaw, f’gym attrezzat b’tagħmir modern li jippermetti prattikar aħjar ta’ eżerċizzji fiżiċi u weightlifting.

Ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tisbiħ kienu jinkludu ristrutturar, bini ta’ faċilitajiet sanitarji ġodda u stallazzjonijiet ġodda tas-sistemi tad-dawl u ta’ l-ilma. Fl-aħħar sena, l-istess ħaddiema kienu impenjati wkoll fuq xogħol ieħor fil-kumpless sportiv li kien jinkludi xogħol ta’ żebgħa, tqegħid ta’ madum, installazzjoni ta’ soffitti, showers ġodda u stallazzjoni ġodda tas-servizzi tal-ilma u d-drenaġġ. L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, inawgurat il-faċilitajiet ġodda, li tbierku minn Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex.

Waqt id-diskors tagħha, il-Ministru Giovanna Debono esprimiet sodisfazzjon għal mod ta’ kif twettqu x-xogħlijiet li jirriflettu wkoll responsabbiltà mill-ħaddiema li jaħdmu fil-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex. Hija kompliet tgħid li l-inawgurazzjoni tat-taqsima tal-gym tirrifletti pass ieħor li l-Ministeru għal Għawdex, permezz tal-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex, qed jieħu biex Għawdex ikollu aktar faċilitajiet sportivi li jkunu wkoll adattati għal kulħadd.

Hija wriet il-fehma li żgur li ser ikunu ħafna dawk li jibdew jagħmlu użu regolari minn dawn il-faċilitajiet, u jingħaqdu ma’ bosta oħrajn li jiffrekwentaw il-Kumpless Sportiv b’mod regolari, biex jużaw faċilitajiet oħrajn konnessi ma’ diversi dixxiplini sportivi.

Il-Ministru Giovanna Debono rreferiet għal viżjoni tal-gvern li jagħmel minn Għawdex gżira ekoloġika u qalet li l-faċilitajiet tal-gym li ġew inawgurati ser jagħtu wkoll kontribut għal stili ta’ ħajja li jippromwovu kwalità ta’ ħajja aħjar għall-poplu Għawdxi kif ukoll għal dawk li jżuru l-gżira.

Matul is-sena, il-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex itella’ diversi programmi f’diversi oqsma li jiġbdu parteċipazzjoni ta’ nies minn kull qasam u ta’ kull età. Permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex u t-Taqsima tal-Promozzjoni tas-Saħħa fi ħdan l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, jittella’ programm li jgħallem u jippromwovi nutrizzjoni tajba marbuta ma’ attività fiżika, biex dawk li jipparteċipaw ikunu jistgħu jikkontrollaw il-piż.

Kull nhar ta’ Sibt, il-Kumpless Sportiv jilqa’ fi ħdanu għadd ta’ studenti ġejjin mill-iskejjel primarji u sekondarji minn madwar Għawdex fil-programm Skolasport. Fost id-dixxiplini sportivi hemm dawk tal-hip-hop u breakdance, table/lawn tennis, ġinnastika, climbing, dance aerobics, squash, volleyball, ċikliżmu, arti marzjali, handball u basketball, hockey u l-ħiliet fil-logħba tal-futbol.

Barra minn hekk il-faċilitajiet sportivi jintużaw minn numru dejjem jiżdied ta’ membri li jużaw l-isquash courts, il-kamra tat-table tennis kif ukoll faċilitajiet ta’ logħob indoor bħal mhu l-basketball, volleyball u arti marzjali. Matul l-aħħar sena saru numru ta’ tournaments fosthom seminar internazzjonali tal-Kendo b’parteċipazzjoni ta’ madwar 100 persuna li 70 minnhom kienu barranin.

Proġett ieħor li jippromwovi stili ta’ ħajja aktar b’saħħitha, fid-dawl tal-viżjoni eko-Għawdex huwa l-bini ta’ pixxina indoor bħala parti minn dan il-kumpless. Dan il-proġett, li diġà beda l-proċess ta’ ppjanar għalih, mhux biss se jtejjeb il-faċilitajiet sportivi f’Għawdex, iżda se jagħmel l-aħjar użu minn sistemi ta’ enerġija alternattiva biex b’hekk ikun aktar sostenibbli.

Għall-applikazzjonijiet tas-sħubija f’dan il-gym jew għal aktar tagħrif, wieħed għandu jmur il-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju jew iċempel fuq in-numru tat-telefon 21560677. Il-gym se jibda jkun miftuħ sebat ijiem fil-ġimgħa bejn it-8 a.m. u d-9.00 p.m.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow