Il-PRESIDENT U S-SINJURA ABELA FI ŻJARA UFFIĊJALI F’ĦAŻ-ŻABBAR
“Il-poplu Żabbari għandu qalb kbira u ġeneruża. Il-ħidma tal-Kunsill Lokali flimkien ma’ dik tal-għaqdiet toħloq armonija unika.” Dan qalu l-President George Abela meta dalgħodu flimkien mas-Sinjura Abela żar Ħaż-Żabbar bħala waħda miż-żjarat li l-President qed jagħmel fil-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex fuq stedina tal-Kunsilli Lokali. Il-President Abela beda ż-żjara tiegħu f’Ħaż-Żabbar nhar it-tlieta meta ltaqa’ mal-għaqdiet volontarji tar-raħal.
Dalgħodu, l-President Abela ltaqa’ maċ-ċkejknin tas-St Patrick’s Football Nursery waqt it-taħriġ tal-Football, sport li huwa għall-qalb ħafna il-President Abela. Aktar tard flimkien mas-Sinjura Abela ħadu sehem fil-quddiesa fil-parroċċa u wara ltaqgħu mar-residenti tal-lokal fuq iz-zuntier fejn ġie ppreparat il-kafe u pastizzi. Din kienet okkażjoni sabiex il-President u s-Sinjura Abela, jiltaqgħu iktar mill-qrib mal-poplu Malti.
Il-President George Abela akkumpanjat mis-Sindku Domenic Agius, żar ukoll il-każini tal-Banda tas-Soċjeta Filarmonika Maria Mater Gratiae u l-Għaqda Madonna tal-Grazzja, San Mikiel. Is-Sinjura Abela żaret ukoll l-Istitut tas-sorijiet Dumnikani u lis-sorijiet ta’ l-Ursolini.
Fi tmiem iż-żjara fil-bini tal-Kunsill Lokali, il-President George Abela rringrazzja lil poplu Żabbari tal-Qalb kbira u ġeneruża. Wera l-apprezzament tiegħu għall-mod kif il-poplu Żabbari laqa` lilu u lis-Sinjura Abela, b’tant għożża u rispett. Irringrazzja ukoll lis-Sindku u l-Kunsilliera kollha ta’ din l -istedina fir-raħal Żabbari u filwaqt li awguralhom ħidma fejjieda sosnta li l-ħidma tagħhom għandha tkun ta’ eżempju għal-irħula oħrajn.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990