IL-CORE GROUP TAL-MEUSAC JIDDISKUTI L-"UE 2020"
Bħalissa qed titfassal l-istrateġija “UE 2020” biex tieħu post dik ta’ Liżbona li qiegħda fis-seħħ bħalissa u li serviet bħala l-istrateġija ta’ riforma tal-UE fl-aħħar għaxar snin bejn l-2000 u l-2010. Għaldaqstant l-Istrateġija “UE 2020” tibni fuq il-kisbiet tal-Istrateġija ta’ Liżbona bl-għan li tiffoka fuq it-tkabbir ekonomiku, jinħolqu aktar impjiegi u tiżdied l-impjegabilità tal-ħaddiema.
Din l-Istrateġija giet diskussa fil-laqgħa tal-Core Group tal-MEUSAC li saret illum. Is-Sur Martin Spiteri, Direttur Policy Development fi ħdan il Ministeru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment spjega l-prijoritajiet ewlenin tal-Istrateġija:
· It-tkabbir ekonomiku jkun ibbażat fuq l-innovazzjoni, it-tisħiħ tal-edukazzjoni, tar-riċerka u tal-ekonomija diġitali;
· L-għoti tas-setgħa lin-nies f’soċjetajiet inklussivi (people empowerment) permezz tal-kisba ta’ ħiliet ġodda, l-inkoraġġiment tal-kreattività u l-innovazzjoni u l-iżvilupp tal-intraprenditorija biex jiffaċilita t-tranżizzjoni minn impjieg għal ieħor;
· Il-ħolqien ta’ ekonomija kompetittiva li tkun ta’ inqas ħsara għall-ambjent permezz ta’ konsum inqas u aktar effiċjenti ta’ enerġija u riżorsi li ma jiġġeddux.
Huwa qal li din l-Istrateġija għandha twassal għal tisħiħ f’numru ta’ oqsma, fosthom politika dwar l-innovazzjoni li tkun iktar effettiva, titjib fl-edukazzjoni u l-ħiliet, it-tisħiħ tas-suq intern, immodernizzar fis-settur tal-industrija u li permezz ta’ din l-Istrateġija l-UE tkun minn ta’ quddiem fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima. Is-Sur Spiteri tenna li għandu jkun hemm impenn politiku akbar biex jintlaħqu l-objettivi proposti. Qal li kull Stat Membru għandu jagħmel il-miri tiegħu biex jintlaħqu l-objettivi għall-2020.
Is-Sur Spiteri ta ħarsa wkoll lejn il-pożizzjoni li addotta l-Gvern Malti dwar il-din l-Istrateġija. B’mod ġenerali Malta tappoġġja din l-Istrategija u taqbel mal-miri li jridu jintlaħqu, però qed tissuġġerixxi wkoll li fost il-prijoritajiet għandu jkun hemm ukoll l-edukazzjoni, il-bidla fil-klima, il-politika dwar l-enerġija, ir-riċerka u l-innovazzjoni u t-titjib tas-settur tal-kummerċ. Il-Gvern Malti qed jisħaq ukoll li għandhom ikunu kkunsidrati wkoll l-iżvilupp tal-ħiliet, l-istabbiltà finanzjarja, il-kompetittività interna u esterna, u l-isfidi relatati mal-popolazzjoni li qed tixjieħ. Huwa qal li Malta temmen li din l-Istrateġija għandha tikkonsidra s-sitwazzjonijiet soċjo-ekonomiċi differenti li jeżistu bejn l-Istati Membri, u għalhekk il-Gvern huwa favur li jkun hemm indikaturi mfassla apposta għal kull Stat Membru, li permezz tagħhom jintlaħqu l-objettivi proposti permezz ta’ din l-Istrateġija.
B’mod ġenerali l-membri tal-Core Group qablu mal-miri proposti permezz ta’ din l-Istrateġija, u qajmu diversi punti, fosthom:
· il-bżonn ta’ strateġija reġjonali u l-possibilità li jkun hemm koperazzjoni bejn Malta u l-Istati Membri tal-Mediterran;
· il-bżonn ta’ strateġija nazzjonali biex jintlaħqu l-miri proposti, bħal, per eżempju, kif jistgħu jinħolqu green jobs;
· il-ħolqien ta’ postijiet ta’ xogħol fuq bażi nazzjonali;
· kif l-Istrateġija tista’ tikkontribwixxi biex jisaħħaħ is-settur tat-turiżmu;
· li l-ħaddiema anzjani li jkunu waslu għall-età tal-irtirar għandhom kontribut x’jagħtu fis-suq tax-xogħol;
· in-nisa huma potenzjal enormi għat-tkabbir tal-ekonomija;
· l-importanza li mhux biss jiżdiedu l-impjiegi iżda li jkun hemm rispett lejn il-ħaddiema u xogħol ta’ kwalità aħjar;
· għajnuna biex tiżdied il-kompetittività tal-intrapriżi ż-żgħar;
· li l-prinċipji li fuqhom huwa msejjes is-suq intern jkunu mħarsa sabiex jiġu evitati l-abbużi li mhux biss inaqssu l-kompetizzjoni fis-suq imma jħallu impatt fuq l-ambjent (bħal waste packaging) u fis-sistema tat-tassazzjoni;
· introduzzjoni ta’ għajnuniet reġjonali.
Il-proposta tal-Kummissjoni għandha tiġi adottata fil-ġimgħat li ġejjin. Qed jitfassal ukoll il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali (National Reform Programme) li ser jitnieda mill-Gvern matul din is-sena sabiex jimplimenta l-miri ta’ din l-Istrateġija. Is-Sur Spiteri spjega li huwa mistenni li l-Istrateġija “UE 2020” tiġi mnedija fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri li se ssir f’Marzu. F’Malta huwa maħsub li għal nofs is-sena, l-Ministeru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment joħroġ dokument ta’ konsultazzjoni dwar il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali. Wara mbagħad jitnieda d-dokument finali bil-Programm ta’ Riforma. Il-proċess għandu jitlesta qabel l-aħħar tas-sena.
Preżenti għal-laqgħa tal-Core Group, li kienet ippreseduta minn Dott. Chris Said, Segretarju Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, kien hemm Dott. Vanni Xuereb (Kap tal-MEUSAC), l-Ambaxxatur Richard Cachia Caruana (Rappreżentant Permanenti għall-UE), is-Sinjorina Graziella Pullicino (A/Kap, Segretarjat UE fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru), is-Sinjura Helen D’Amato, Dott. Josette Grech, is-Sur Sonny Portelli (Chairperson, MCESD), il-Perit Carmel Caccopardo (Alternattiva Demokratika), is-Sur Tonio Mercieca (Azzjoni Nazzjonali), is-Sur Arthur Rossi (CMTU), is-Sur Joe Grech (Gozo Business Chamber), is-Sur Kevin Borg (MCCEI), Dott. Paul Debattista (Malta Employers’ Association), is-Sur Joe Attard (MHRA), Dott. Luciano Busuttil (PL), is-Sur Frederick Azzopardi (PN), is-Sur Jesmond Bonello (UĦM), is-Sinjura Grace Attard, is-Sur Benjamin Rizzo, is-Sur Julian Zarb (rappreżentanti tas-soċjetà ċivili), Dott. Diane Farrugia (Segretarju), kif ukoll membri sostituti, membri tal-istaff tal-MEUSAC u uffiċjali mill-Ministeru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment u mis-Segretarjat għall-Unjoni Ewropea fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990